Friday, December 5, 2008

Bozoz u kuluri


Inħares ħarsa madwari... niftaħ il-gazzetti u nara ħafna affarijiet interessanti... oħrajn inqas... oħrajn li donnhom ha jiddeċiedu il-ġejjieni tiegħi u tiegħek... oħrajn li jġgħeluni ngħid Allaħares dan ifisser il-ġejjieni tiegħi u tiegħek.

Ijwa... niftaħ il-gazzetti... oħroġ il-għaġeb... dawk bl-Ingliż mifqugħin bl-ittri kontra triq li ħa tfotti l-ambjent... u dawk bil-Malti ... min iġegħlek taħseb li din it-triq ser twassalna l-Ġenna... u min l-Infern... min ipinġi lil min hu l-moħħ warajha bħala Alla... u min bħala x-Xitan... aktarx dan li hu... huwa t-tnejn f’daqqa għax ħadd ma jwaqqfu.

Niddeċiedi nagħti ħarsa lejn l-aħbarijiet ta’ barra... kriżi finanzjarja ‘l hawn... gwerra ‘l hemm... laqgħa ‘l hawn u laqgħa oħra ‘l hemm... bħal donnu dawn il-laqgħat ser isalvaw id-dinja... paroli... paroli u aktar paroli... li jwassal għal iktar paroli ... u meta jieqaf dak il-paroli... aktarx jibda aktar paroli... u r-rota tkompli ddur.

Niddeċiedi ndur dawra bil-karozza... kien għadu Novembru... ix-xahar tal-mejtin u ġa nxtgħelu ruxxmata toroq u ma nafx kemm-il roundabout... għax ġej Ġesù Bambin.

Kulħadd jinsa l-kriżijiet... kulħadd jinsa l-piżijiet... inħares barra mit-tieqa u diġà nara l-Bambin fil-gallarija ta’ faċċata... li ma jħarisx lejn il-gallarija tal-ġara għax dawk ippikati magħha... u nara ħafna bozoz mixgħulin... u nistaqsi bejni u bejn ruħi, “Tgħid għax il-kontijiet l-għaljin mhux ser jibdew minnufih?”

Huwa żmien li niffangaw fil-pudini, nintilfu fis-siġra tal-Milied, fil-presepju u l-istatwa tal-Bambin, ninkwetaw għax mhux ħa nlaħħqu nixtru r-rigali lil kulħadd waqt li niskantaw kemm saret diffiċli tikkuntenta lill-istess kulħadd. Kollox irid ikun... allura ejja ndawru d-dinja b’bozoz u kuluri ma’ kullimkien...

Ijwa bozoz u kuluri kullimkien... bozoz u kuluri għax dan hu żmien li ninsew il-piżijiet... il-kriżijiet... il-pjanijiet tat-toroq u l-għanijiet tal-Milied. Bozoz u kuluri... għaliex l-allat u x-xjaten ta’ dal-pajjiż ħa jibqgħu jsiru sinjuri. Bozoz u kuluri... għaliex waqt li sħabna t’hemm isfel qed jippruvaw jaqsmu l-baħar aħna qed naraw x’nagħmlu biex nibagħtuhom jixxejru wara li ndewquhom ħafna mid-dinjità li ta’ bnedmin bħalna jistħoqqilhom. Bozoz u kuluri... għaliex il-paroli jkompli jiżdied u miegħu aktar paroli. Bozoz u kuluri... għaliex aħna pajjiż uniku li fi ċkunitu ma fihx biss baħar u xemx iżda wkoll il-Ġenna u l-Infern. Bozoz u kuluri għaliex għandna għalfejn niċċelebraw... ijwa bil-ħaqq... hekk kienu qalulna tad-duttrina... “l-Avvent jippreparana għall-miġja ta’ Ġesù Bambin ġewwa fina”... li ma kinux jgħidulna hu li jġib ukoll ħafna flus fil-bwiet tal-ftit li aktarx huma l-inqas li għandhom bżonn... allura bozoz u kuluri... ħa nżejnu lil dawn il-ftit sinjuri...

... Viva Ġesù Bambin!


Tuesday, November 18, 2008

Il-Ħara Tiġri...

Ijwa l-aħwa... ili ma nikteb koċċ... fil-fatt minn dakinhar sa llum ġraw affarijiet sbieħ u oħrajn inqas... esperjenzi li fihom dħakt, oħrajn li fihom tbissimt u ftit oħra li kienu ħajt ima li rnexxieli naqbeż... u li waqt li kont qed nipprova naqbiżhom ma kontx l-aktar persuna pożittiva fuq wiċċ id-dinja u għalhekk il-muża li nikteb għażilt li nbattiha... però hawn aħna... erġajt qed nikteb.

Fi żmien fejn il-lingwa Maltija li tant hi għal qalbi laħqet ċertu livell u hi rikonoxxuta fost il-lingwi l-oħra kollha Ewropej... u minħabba l-fatt li dal-blogg a b’ilsien art twelidi... ehe allura kelli wkoll nittraduċi għall-Malti l-famuża frażi b’ħafna filosofija profonda: ‘shit happens’.


Ijwa l-aħwa... il-ħara jiġri mhux biss fid-dranaġġ... sitwazzjonijiet li ma jkollokx soluzzjoni oħra ħlief li tlissen dil-frażi. Għadni ġej minn Pariġi u flimkien ma’żewġt iħbieb qbadt taksi miċ-ċentru biex inlaħħqu l-ajruplan fil-ħin. Ġara l-ħara tat li kien hemm partita traffiku... ix-xufier kien ħa jaħbat mill-inqas tliet darbiet... u peress li t-taksi mhix ajruplan u inzertat oġġett solidu aktar mill-ħara li jiġri... wasalna mhux iktar minn ħames minuti wara li għalaq iċ-check-in (tiċċekkja ‘l ġewwa?)... ħeqq... imma biex ma nsemmux it-tiżjin ta’ kliem li ħareġ minn fommna ta’ Maltin li aħna... la l-ħara jiġri... kellna nsibu titjira oħra.

Ammirajt ħafna nies l-aħħar li mort l-Afrika... proprju il-Ghana... fejn iltqajt ma’persuni mis-Sjerra Leone, Niġerja, Liberja, u naturalment mill-Ghana... persuni li lkoll f’xi punt f’ħajjithom irrealizzaw kemm jiġri l-ħara... sew minħabba gwerer jew minħabba l-faqar. Nammirahom għax ma waqfux hemm imma lkoll qed jippruvaw jagħmlu xi ħaġa – jaħdmu... jgħinu lil min hu ifqar minnhom... jistudjaw – xi ħaġa biex inaddfu l-ħara li tefagħhom fiha aktarx min kien fil-poter fil-passat jew fil-preżent... sitwazzjonijiet li żgur ma għandhomx kontroll fuqhom kif ġraw... imma li għandhom kontroll ta’ kif jaġixxu dwarhom.

Ijwa tiġri l-ħara... u hemm sitwazzjonijiet li fihom jiġri u jieqaf hemm... oħrajn li jkollok tnaddaf dik il-ħara li tkun ġrat.

Qabel erġajna tlaqna għat-titjira lura lejn Malta minn Pariġi... fil-lukanda rajt xi episodji tal-Pantera r-Roża u fuq l-ajrpulan xi wħud ta’ l-għasfur bil-bżar fil-warrani (ir-Road Runner) u Will Coyote. Jekk tħares lejn il-Pantera... dejjem... sakemm jintemm l-episodju... jiġru l-affarijiet kontrih... fl-aħħar aktarx joħroġ rebbieħ. Il-Kojot mhux daqstant... imma (nammirah daqs kemm nitħassru) jibqa’ jipprova...

Sew jekk il-Kojot jew il-Pantera... il-ħara ser jibqa’ jiġri. Huwa l-mod ta’ kif taċċetta li jiġri li aktarx jaffettwa l-pass li jmiss... tħallas titjira oħra jew toqgħod tibki li tliftha u terġa’ titlef li jmiss ukoll? Tiddispra għax ma għandekx x’tiekol jew tara x’tagħmel biex jibda jkollok x’tiekol? Mhux jien ħa ngħidlek x’tagħmel ħabib... imma inti taf kemm trid tibqa’ tgħix fil-ħara... ftakar biss li tagħżel x’tagħżel... il-ħara ħa tibqa’ tiġri...

Friday, September 19, 2008

Il-Ħitan...

“Il-ħitan qegħdin hemm biex iwaqqfu lil dawk li ma jridux jaqbżuhom... qegħdin hemm biex iwaqqfu lilhom, lill-oħrajn.”

Dan huwa kliem Randy Pausch, għalliem fil-qasam tar-realtà virtwali f’diversi universitajiet fl-Istati Uniti... għalliem li kien jaf li ħa jmut, li fadallu ftit xhur biss ħajja u ried jagħti l-aħħar lezzjoni (The Last Lecture). Pausch huwa l-mera ta’ dak kollu li huwa pożittiv. B’kankru terminali, huwa kien jaf li ftit fadallu ħajja, li ftit fadallu biex igawdi lit-tliet uliedu, li ftit kienu ħa jiftakruh, speċjalment iż-żgħira, li ftit fadallu biex jagħti r-riedni lil martu Jai.

Pausch jgħallem ħafna b’għemilu minkejja li ħinu beda jgħafas huwa kompla jgħix ħajtu fil-familja lit ant ħabb. Sab ħitan? Ill!

Jekk mhux ħajt kbir dak li tkun taf meta ħa tmut... x’inhu ħajt?! Imma le, Pausch baqa’ għaddej... mhux talli hekk... talli ried iwassal il-messaġġ pożittiv tiegħu lill-ħafna.

Randy Pausch għex il-ħolm tiegħu. Qatt ma waqaf jistaqsi u għalkemm mgħejun minn diversi nies li lluminawlu t-triq matul il-vjaġġ ta’ ħajtu, apprezza l-parir it-tajjeb u bena fuqu... fuq kollox qatt ma qata’ qalbu. Ghalih problema hija sfida, u tibqa’ biss problema għal min fil-verità ma jridx jgħelibha. F’episodju minnhom... jirrakkonta kif qabel ma żżewġu, martu Jai ma riditx ċċaqlaq ħajjitha lejn Pittsburgh u kienet ser titilqu. Iżda b’daqsxejn insistenza, fl-aħħar l-imħabba ta’ bejniethom rebħet... tant li wasslet biex kellhom tlitt itfal... familja.

Ħitan? Il-ħin kollu l-aħwa! Imma kemm minnhom jiena lest ngħeleb? Jiena naf xi rrid (suppost) allura naf liema huma dawk l-isfidi li rrid nibdilhom f’ħitan. Suppost naf liema sfidi għalija huma ħitan tas-sejjieħ jew tal-konkos, liema minnhom huma ċnut baxxi u liema minnhom mgħola sular u aktar... inti taf liema huma l-ħitan f’ħajtek? Xi drabi, xi ħitan ma nibnuhomx aħna, iżda ħaddieħor għalina... imma mbagħad jiddependi biss minni jekk irridx inġarraf dak il-ħajt, jew saħansitra ngħaddi minn fuqu, naqbżu, nitilgħu...

Jiddependi minni biss... u għalhekk ħallejtek ħalli nkompli naqbeż il-ħitan li qed idejquni...

[Randy Pausch miet nhar il-25 ta’ Lulju, 2008 fl-età ta’ 47 sena...]

Link relatata: http://download.srv.cs.cmu.edu/~pausch/

Saturday, August 23, 2008

Meta titlef...

Jien u għaddej fil-vjaġġ ta’ ħajti ltqajt ma’ bosta nies... kelli u għad għandi relazzjonijiet ta’ familja, ħbiberija, oħrajn iktar minn hekk... oħrajn superfiċjali... imma oħrajn li fissru ħafna u jibqgħu jfissru tul ħajti kollha.

Inħares lura u nirrealizza kemm fid-dinja napprezzaw persuna, oġġett, xi parti minn ġisimna wkoll... meta niġu neqsin minnha... jew fil-każ ta’ ġisimna meta nweġġħu xi mkien partikolari.

Inħares lura u nirrealizza kemm wieħed għandu joqgħod attent u ma jibżax jaċċetta sfida, jaċċetta proposta, jaċċetta sagrifiċċji, jaċċetta l-onestà miegħu nnifsu u fuq kollox jaċċetta li jħobb... jammetti li jħobb... jammetti żball u jaħdem biex jirranġah.

Inħares lura mhux bogħod wisq... u nara li meta wieħed jilgħab man-nar tal-qalb u mal-logħob tal-moħħ u jitlef il-kontroll ta’ bejniethom... hemmhekk iva... nirrealizza li b’dan il-mod faċli ħafna titlef. Il-ħajja mhix sempliċi mħatra. Il-ħajja u ħajjet ħaddieħor mhumiex logħba... u meta nħares lura iva jiddispjaċini... għax tlift. Ma mexxejtx il-pedini sewwa.

Iżda issa ħeqq... ikolli nħares ‘il quddiem... u nara li mit-telfa nieħu rebħa ta’ xi ħaġa ikbar... imqar ta’ dik li nferraħ lil xi ħadd b’inqas xorti minni... la did-darba ma rnexxilix... għalkemm dak kien l-iskop tiegħi dejjem... darb’oħra jirnexxieli żgur.

Għada ħa nerħilha għall-Ghana... hemmhekk żgur li hemm fejn nagħmel dan.

Niġi lura f’Settembru... lura b’ħajja mimlija b’aktar nies u relazzjonijiet differenti... ħajja mimlija b’aktar ferħ li jidher f’għajnejn anke l-‘ifqar fost il-fqar’... iżda dwar dan... ngħidilkom la niġi lura...



Thursday, August 14, 2008

Tlifna Ħabib...

Niftakruh fl-ewwel lezzjoni... sala mimlija studenti ma jafux x’ha jolqothom... daħal hu b’kalzetta kulur u kalzetta kulur iehor... zewg arloggi u ntefa’ jitfa’ koċċ blalen tal-ping pong... “Fil-ġurnaliżmu tridu tagħtu każ tad-dettall... ta’ l-affarijiet li jagħmlu impatt... ta’ dak li huwa differenti...ma tirrapurtawx li kelb gidem raġel imma li ragel gidem kelb” daħal hu fis-sala b’dik l-istatura massiċċa, b’mixja u vuċi kalma tirrifletti ċerta għejja, imma bi tbissima li toħroġ l-enerġija ta’ bniedem mimli esperjenza... li ra d-dinja tinbidel... irrapporta din l-istess dinja... mill-kmamar tal-PBS... ghal saħansitra fi New York... tat-Times...

Bniedem dedikat... karattru ħelu mmens... jispikka s-sens ta’ ħsieb f’ħaddieħor... it-tazza kafé li tiksaħ u jibqa’ jixrob minnha... dak is-sigarett li jintefa’ u jinxtegħel ta’ warajh ftit wara... dak il-kalendarju mal-ħajt fuq l-iskrivanija jgħodd il-ġranet sal-pensjoni... ħaddieħor kien jiġi qablu... u qablu kien jiġi ħaddieħor.

Joe issa ma għadux magħna imma l-marka li ħalla fi qlub ħafna studenti bħali u nies li ħadmu miegħu hija waħda kbira.

Joe bniedem bħalek żgur li postok il-Ġenna inkella kulħadd għall-infern. Strieħ fil-paċi ħabib u grazzi ta’ kulma għamilt miegħi u ma’ sħabi kollha.

(Joe Mercieca kien ġurnalist u għalliem fl-Universita’ ta’ Malta fiċ-Ċentru tat-Teknoloġija tal-Kommunikazzjoni. Għal xi żmien kien ukoll kap ta’ l-aħbarijiet tal-PBS u anke uffiċċjal ta’ l-affarijiet pubbliċi fl-American Centre. Iżda fuq kollox Joe kien ħabib ta’ kull min iltaqa’ miegħu. Huwa miet illum fl-età ta’ 63 sena.)

(Ara wkoll:
Times of Malta: http://www.timesofmalta.com/articles/view/20080814/local/veteran-journalist-dies
MaltaStar.com: http://www.maltastar.com/pages/msrv/msfullart.asp?an=23296)

Monday, July 21, 2008

Dik l-imbierka logħba Ċess!

Il-ħajja… tista’ tqabbilha ma’ mitt elf ħaġa… ħafna jqabbluha ma’ roller coaster… daqqa tiġri… daqqa bil-mod… daqqa fl-għoli… daqqa fil-baxx… daqqa fid-dlam, rasek ‘l isfel jew b’saqajk iperpru… però hekk x’kontroll għandi jien fuq din il-ħajja roller coaster? Xejn. Il-ħajja hija ħafna iktar minn hekk… il-ħajja hija xi ħaġa sabiħa għax nistgħu noħolmu u noħolqu l-istorja tagħna aħna kif irridu... inħobb għalhekk inqabbel il-ħajja ma’ logħba ċess...

Immaġinaw il-ħajja bħala l-iskakkiera bil-pedini fuqha... il-pedini huma l-opportunitajiet li jiġu quddiemna matul il-ħajja. Kull pedina għandha s-saħħa tagħha li b’xi mod jew ieħor tista’ tinfluwenzalna ħajjitna... b’modi differenti imma kull pedina... sew jekk l-iċken waħda... ir-re jew ir-reġina... kollha importanti f’mumenti differenti. Min qed jilgħab kontrina huwa dak jew dik li qed joffru sfidi biex neżerċitaw dawn l-opportunitajiet, għodod u talenti tagħna.

It-tajjeb tal-ħajja hu li għajr għal-logħba ċess f’kompetizzjoni... ilkoll nistgħu nistaqsu u nfittxu l-għajnuna u nqattgħu ħin skond kemm hemm bżonn biex naħsbu x’ħa jkun il-pass li jmiss...

Ħafna jgħidu li aħna logħba ċess f’idejn l-omnipotenza t’Alla. Nemmen f’Alla aktar mid-dawl t’għajnejja... iżda nemmen li Alla ma jilgħabx ċess bina. Alla jintefa ħdejna f’mumenti differenti ta’ ħajjitna... kultant jilgħab ftit ‘kontrina’ biex itina dik l-isfida li jkollna bżonn biex tqajjimna... kultant ikun hemm biex itina l-għajnuna, dejjem jekk infittxuha minn għandu u nippruvaw naqraw is-sinjali li jibgħatilna... forsi ma jistenniex lilna biss għax irid ilaħħaq m’Alla u max-xitan (hmmm stramba kif Alla stess ilaħħaq m’Alla u max-xitan). Fi ftit kliem... Alla jħallina nilagħbu ċess waħedna... inkella x’sens fiha li ħalaqna liberi mbagħad joqgħod jilgħab bina?

L-għażla mhix bejn jekk tilgħabx jew le... imma kif ħa tilgħab. X’pass ħa nagħmel meta affaċċjat b’din l-isfida? X’opportunitajiet, għodda u talenti ħa nużaw biex naffrontaw l-isfida? Liema pedina ħa nuża? Sa fejn ħa nwassalha biex ngħelibha? L-għażla f’idejk. L-għajnuna qegħda hemm anke jekk mhux dejjem tidher. Il-pedini f’idejk... inti ser tiskopri kif u meta ħa tmexxihom.

Insomma... ħallejtek ħabib għax għandi koċċ pedini x’inċaqlaq...

Tuesday, July 15, 2008

U l-Istrajk Ikompli...

U l-istrajk ikompli... bħall-imtaten u l-bdabad... dawn in-nies jgħidu li għandhom dritt li jistrajkjaw... imma ovvjament ħaddieħor ma għandux dritt ikun liberu li ma jistrajkjax... ovvjament ħaddieħor ma għandux dritt jidħol il-Belt bil-kumdità kollha... u ovvjament min qed jistrajkja biss għandu d-dritt jintimida u juża l-vjolenza verbali u fiżika fuq min iħossu liberu li jkompli l-lant tax-xogħol tiegħu. Fi ftit kliem... id-dritt ta’ strajk qed iċaħħad id-dritt tal-libertà lil eluf ta’ Maltin fi triqthom lejn ix-xogħol, sptar, u kull fejn dan id-dritt itini lili bħala Malti li mmur.

Jekk kull wieħed minn dawn ix-xufiera jkollu xi qarib mill-Belt u jrid b’emerġenza jmur l-isptar... tgħid jiftħulu t-triq? Tgħid din id-darba jieħdu ċ-ċwievet u l-batterija ta’ l-ambulanza? Tgħid jintimidaw lix-xufier u jniżżlu l-qarib minn fuq l-istreċer?

L-aħwa... iva inkazzat... għax dal-għodu dort dawra tal-beati pawli biex wasalt ix-xogħol... l-għaksa għadha toffendini mill-għafis tal-klaċċ... waqt li serbut wara l-ieħor ta’ karozzi ggwidati mill-pulizija li bl-akbar paċenzja ppruvaw jeħilsuhom mill-invażjoni tal-qatta bdabad li jsuqu kaxxi sofor jew ħomor b’erba’ roti (ġieli b’sitta... skond iż-żaqq tax-xufier)... kellu jgħaddi mill-iskossi kollha sinonimi ma' traffiku staġnat.

Le mhuwiex dritt li tistrajkja għas-skapitu tal-libertà ta’ ħaddieħor. Le mhuwiex dritt li tistrajkja biex tibqa’ tagħmel li trid u li jgħoġbok. Le mhuwiex dritt li tistrajkja jekk toqgħod tintimida lil kull min jgħaddi. Le mhuwiex dritt li tistrajkja biex iżżomm monopolju ta’ servizz bażwi u mnejjek li qatt ma jara titjib. Iżda iva, huwa d-dmir tiegħek għażiż xufier b’żaqq li żżomm bil-flokk ta’ taħt taċ-ċingi tiżbokka mill-qmis ċelesti/verdemar... li tmur lura għal xogħlok u tħalli lil ħaddieħor fil-paċi... it-toroq miftuħin... u lili fid-dritt li neżerċita l-libertà tiegħi għallinqas fi triqti, kull fejn irrid.

Monday, July 14, 2008

Jistrajkjaw...

Għandhom il-wiċċ jistrajkjaw. Ma nafx. Din mhix filosofija u lanqas xi ħsieb ta’ barra minn hawn... hija loġika. Ovvja... kerha l-kompetizzjoni meta tkun tiddomina s-suq, tgħajjat “Move BACK!” bl-addoċċ, “Full up!” għall-iswed u dejjem issib post...imqar fuq l-istaffa għal dik il-bjonda liebsa mqaċċat, dagħa faħxi bl-Ingliż u l-Malti (ikolli ngħid Malti mill-aktar pur) jekk ma tagħtix bqija tajba, tasal x’ħin trid fuq l-istejġ bl-iskuża li kien hemm it-traffik anke fis-siegħat bikrin ta’ kull fil-għodu, u ddaħħan l-Alla li ħalqek kull fejn tmur.

U mbagħad x’nagħmlu? Ovvja hux... nagħlqu t-toroq... inwaqqfu l-pajjiż. Le, mhux hekk, għalfejn ittejjeb is-servizz? Inżebbeġ... l-aħjar triq ‘il quddiem hi li nwerwru l-pajjiż, lil Austin u l-Gvern u anke l-oppożizzjoni l-ġdida ta’ Joseph. Ara b’min irridu nitmellħu!

Xi ngħidu għall-katavri... jistennew bil-ħniena lil sħabna l-oħra xufiera tal-karozzi funebri?... u tal-minibuses li ġabu Park & Ride jaħdem fuq sistema ġdida ta’ Ipparkja u Imxi?

Imma sadanittant... waqt li t-toroq jinsabu full up bil-karozzi ejja lil sħabna x-xufiera ta’ kull qasam ngħidulhom ilkoll għalenija... MOVE BACK PLIŻ!

Thursday, July 10, 2008

Qalb it-Toroq

It-toroq... sew jekk kollhom ħofor jew lixxi, ippavimentati jew asfaltati... kollha xi darba jew oħra raw għexieren ta’ eluf ta’ passi u roti... passi ta’ ħafna nies bi storja, roti ta’ karozzi, ta’ muturi, ta’ trakkijiet u ta’ roti misjuqa lkoll min-nies bi storja unika, ilkoll fi triqithom lejn il-vjaġġ tal-ħajja.

Sew jekk Triq ir-Repubblika tal-Belt Valletta... sew jekk ix-Champs Elysees ta’ Pariġi jew Oxford Street f’Londra... jew inkella l-iċken sqaq fl-iżgħar villaġġ u fl-ikbar belt... kull triq rifsu fuqha nies bi storja... storja li tinbena fuq il-passat iżda storja li tista’ wkoll tinbidel matul il-vjaġġ.

Jien u għaddej mit-toroq fil-vjaġġ ta’ ħajti nħobb inħares lejn l-uċuħ... li jvarjaw mhux biss fil-karnaġġjon u l-forma... imma wkoll skond il-ħin tal-ġurnata u l-burdata ta’ l-individwu. L-individwu fi triqtu lejn ix-xogħol, lura għand il-familja jew lejn l-isptar għaż-żjara lil xi ħadd għażiż, lura lejn l-erba’ ħitan tal-kamra, forsi l-unika kamra tiegħu jew tagħha.

Jien u għaddej minn Oxford Street niftakar nies kważi jimbuttawni fi triqithom lejn il-ħajja mgħaġġla li qed jgħixu, minn ħanut għall-ieħor, minn stazzjon għall-ieħor. Fit-toroq ta’ Brussell tara ħafna ġlekkijiet u pożi, ta’ nies li jifilħu jħallsu jew li jpinġu lilhom infushom bħala s-salvaturi ta’ l-Ewropa tal-ġejjieni. Fit-toroq ta’ Vjenna... tara nies kolti u oħrajn kburin bl-istorja li mdawrin biha bil-palazzi, knejjes u toroq eleganti. Fit-toroq ta’ Pariġi tara nies imneħirhom imiss is-sema pero f’għajnejhom tara individwi bi storja wkoll... individwi li ftit huma differenti minni u minnek. Fit-toroq ta’ Sofia tħoss arja tal-komuniżmu għadha tidwi, waqt li fit-toroq ta’ Praga tħoss arja ta’ żgħożija li ħarġet minn era ta’ opressjoni. Fit-toroq ta’ Żagreb tinħass id-dieqa tal-gwerra tal-Balkani waqt li t-toroq ta’ Ljubljana miżgħuda bil-ħajja u kuluri li jispikkaw fl-uċuh ta’ l-individwi. Fit-toroq ta’ Bonn... tħoss ir-riġidità u arja li tqorrob dik ta’ ċimiterju f’din il-belt li xi darba kienet il-kapitali tal-Ġermanja tal-Punent. It-toroq tal-belt ta’ Oswiecem fil-Polonja huma maħnuqa bl-istigma li din il-belt għandha... il-belt li n-Nazisti ta’ Hitler semmewha Auschwitz u li fil-periferiji tagħha inċineraw mijiet ta’ eluf ta’ Lhud... kull wieħed bl-istorja tiegħu. Fit-toroq ta’ Nairobi speċjalment fil-mandraġġi rajt id-dieqa f’qalb persuni li jixtiequ jwittu t-triq f’ħajjithom... nies li ma jistgħux jippjanaw it-triq fit-tul... nies li ma jistgħux iħallsu mediċina, skola u trasport... nies li madankollu jifirhu bl-iċken oġġett u ġest ta’ karità b’turija ta’ ħbiberija. Fit-toroq ta’ Amsterdam, ixxomm riħa taqsam tal-ħaxixa tinħaraq waqt li individwu bi storja għandu bżonn jirrilassa u ma jafx mod ieħor għajr li jiġbed dak in-nifs, u individwu ieħor qed jagħmel hekk biss biex ikompli ma’ sħabu f’avventura f’din il-belt tad-drogi u ż-żina... u ħafna affarijiet sbieħ li ftit nisimgħu dwarhom. Nibqgħu f’Amsterdam u tara tfajliet li xi wħud minnhom ma tpinġihomx, moħlija ġo vetrina biex ikomplu jmexxu l-eqdem negozju u fejn bil-prezz standard ta’ €50 jħallu l-imaġinazzjoni ta’ rġiel li jfittxuhom jew sempliċiment jaqaw għat-tentazzjoni, issir realtà. Tfajliet, ilkoll bi storja, jew qed jippruvaw jibnu din l-istorja. Sadanittant... lil dawn ta’ l-aħħar nawguralhom li jinfetħulhom opportunitajiet ġodda iktar milli jinfetħulhom saqajhom.

Jien u għaddej mit-toroq tal-ħajja iltqajt ma’ nies li inspirawni, oħrajn li għallmuni, oħrajn li ggwidawni, nies fqar u oħrajn inqas, nies ġenwini u oħrajn korrotti jew artifiċjali, nies li ħabbewni u oħrajn li ftit jaħmluni, nies li ltqajt magħhom personalment u oħrajn li qrajt xogħlhom fuq ktieb jew rajtu fuq palk jew skrin, nies li tawni x’nifhem kemm hi sabiħa l-ħajja għal min jaf jgħixha, kemm ma hemm xejn isbaħ mill-verità, mill-onestà u mill-ġenwinità... nies li għallmuni nkun ċar ma’ kulħadd anke jekk kultant ikolli nuża daqsxejn ta’ diplomazija.


Inħossni bniedem ixxurtjajt... li twilidt f’familja li tgħader u qatt ma ċaħditni milli nesplora t-toroq tal-ħajja waqt li dejjem iggwidatni bil-kelma t-tajba... li f’din it-triq iltqajt ma’ persuni li kienu u għadhom ħbieb għeżież għalija... li kont f’relazzjonijiet ta’ mħabba li lkoll għallmuni x’jiġifieri rispett anke f’mumenti intimi... relazzjonijiet li jekk ma fadal xejn minnhom għallinqas baqa’ l-ħbiberija ta’ vera, anke jekk xi kultant ġiet bl-iskossi. Inħossni xxurtjat li l-Mulej laqqgħani wkoll ma’ karattri diffiċli li faċli wieħed jiġġudika però li fl-aħħar kont kapaċi naħdem magħhom xorta. Inħossni xxurtjat ukoll li ltqajt u għadni niltaqa’ ma’ persuni li inqas kapaċi naħdem magħhom... li tawni u jtuni sfida biex inkun nista’ nkompli għaddej fil-vjaġġ tiegħi... nies li ġieli weġġgħuni biex jidhru sbieħ u kapaċi huma iżda kienu nies li għallmuni nżomm sieket u ma naġixxix f’rabja. Dejjem irnexxieli? Le. Jiddispjaċini? Lanqas. Tgħallimt xorta? Iva.

Qalb it-toroq tal-ħajja tgħallimt dejjem. Kultant inħares lejn il-mera u nħares fija nnifsi, inreġġa’ l-memorja u nagħti ħarsa lejn it-toroq li għaddejt minnhom sa issa. Inħares lura u għajr għal affarijiet li ma għandix kontroll fuqhom...niddubita nsibx xi ħaġa li li kieku nasal biex nibdel. Inħares lura u nitbissem. Inħares ‘il quddiem u ma nibżax anke jekk il-ġejjieni mhux dejjem joffri daqsekk ċertezzi. It-triq hija twila u fadalli ħafna x’nitgħallem. Għalhekk ħabib, tlaqtek hawn għalissa... ħa mmur ħa nkompli nitgħallem.

Wednesday, June 18, 2008

Il-Ħolm

Min jaf kemm noħlom…toħlom… ilkoll noħolmu ngħiduha kif inhi…

Il-ħolm huwa xi ħaġa astratta però reali ħafna fl-istess ħin. Il-ħolm... hemm dak li jiġi bil-lejl jew kull meta titfa’ rasek ma’ l-imħadda... sakemm m’intix astronawta u jkollok torqod bil-wieqfa... jew inkella dak il-ħolm li jiġi matul il-jum... ħolm li jispirak... li jgħinek jew bil-Malti jfottik... ifottik għax huwa ħolm li jħarbatlek l-istatus quo... li jġiegħlek temmen li hemm dinja isbaħ minn din li qed tgħix... dinja, li tleqq kemm tkun tleqq... id-dinja tal-ħolm tagħtik dejjem alternattiva isbaħ.

Nammetti li għalkemm nemmen li l-ħolm ta’ bil-lejl jista’ jkun profetiku u jfisser ħafna (għalkemm wieħed qatt ma għandu jibbaża ħajtu jew dik ta’ pajjiżu bħal xi ex-Prim Ministri ta’ pajjiżna fuq dan il-ħolm)... ma nifhimx saħħta fih... però il-ħolm ta’ matul il-jum... ikolli ngħid li nemmen immens fih... u jekk ma nifhimx... għandi fejn intenni kelmtejn dwaru.

Darba smajt ħabib jgħid li jekk ħolma tinħolom minn tnejn min-nies jew aktar aktarx li dik il-ħolma ssir realtà jew għallinqas iktar faċli li ssir. Dan mhux ħolm tat-tip li tirbaħ lotterija jew li ddur id-dinja f’ħakka t’għajn. Proġetti, proġetti u aktar proġetti... proġetti li saru u għad irid isiru. Proġetti fost l-ifqar u proġetti fost l-iktar sinjuri... ħarsu lejn il-belt ta’ Dubai u taraw ħolma ta’ ħafna nies sinjuri li raw li jibdlu l-belt minn deżert niexef u xott... għal belt b’ħafna ħajja... ħarsu lejn Madre Tereża... u taraw minnufih ħolma ta’ soru fqira u oħrajn li mxew warajha jagħmlu ġid daqs ma nafx xiex, jgħinu l-ifqar fost il-fqar.

Il-ħolm personali... jew kif isejħilha l-kittieb magħruf Brażiljan Paolo Coelho... il-leġġenda personali... huwa dak il-ħolm li jista’ jitwettaq iżda trid tkun vera temmen fik innifsek, tagħmel il-kuraġġ u twettqu. Huwa l-ħolm li ma jħallikx bi kwietek qabel twettqu. Fil-ktieb The Alchemist (L-Alkemist) niltaqgħu ma’ anzjan li qatt, għalkemm dejjem ħolom li jagħmel hekk, ma mar Mekka.. u jibqa' jhewden imma qatt ma jasal li jmur. Inħossni diġà nifga bil-ħsieb li nkun fuq is-sodda ta’ mewti u jkolli ħolm li ma wettaqtux anke jekk stajt... mhux talli ngħid il-famuża frażi f*** it... imma huwa ħsieb li joqtolni waħdu.

Ma hemm xejn ħażin b’li toħlom u tipprova tgħix il-ħolm... għixu... jekk ma jirnexxix... dur għall-ħolma li jmiss... ibqa’ oħlom... waqt li tipprova żżomm saqajk ma’ l-art... mhux bħalma dejjem nagħmel jien. Ftakar li għada pitgħada jista’ jkun ma jkollokx iċ-ċans li tgħix dan il-ħolm u mbagħad tħares lura u tgħid, “Iż-żikk... issa ma nistax!”
Ejja... immaġina li tixtieq iddur id-dinja u hija ħolma li vera tixtieq... taħseb li ħa ddurha la darba jkollok xi nofs tużżana tfal iduru ma’ saqajk? Ma naħsibx... mela aqbad u durha issa!

Tgħidu imma dal-baħnan x’għex mill-ħolm tiegħu? Ejja ngħidu hekk... sa issa ħafna. Ħafna minnu kien ħolm abbinat mal-libertà u s-safar (anke grazzi għall-familja li dejjem appoġġjatni bis-sħiħ f'dak li hu ta' ġid għalija), ma’ proġetti ma’ sħabi u għaqdiet taż-żgħażagħ (speċjalment SPYS), ma’ kunċerti u ma’ avventuri li qabel kont narahom biss fuq it-televixin, ma’ ideat u ideoloġiji, ma’ l-istorja, żgħabil u pjaċir. Waqaft noħlom? Qatt. Fi ħsiebni nieqaf? Lanqas.

Tneħħilu l-ħolm il-bniedem x’jibqgħalu? Isir ċappa laħam forma ta’ robot li d-differenza bejn il-ħadid li jagħmel robot u l-laħam... ikun biss il-kulur.

Mela ħabib... issirx robot.


Sunday, June 15, 2008

Merħba

Merħba fil-blogg tiegħi... ħu paċenzja u stenna ftit li jiġuni xi erba’ ħsibijiet li ta’ min jiktibhom hawn... sa issa għadhom biss kollha sħaba ġo moħħi... għalhekk nerġa nitolbok tieħu paċenzja.