Jien u għaddej fil-mixja interessanti tal-ħajja... jien u naħseb u niskanta bid-dinja ta’ madwari... ħsibt li naqsam dawn il-ħsibijiet umli u skantamanti miegħek li jinteressak taqra... miegħek li ma għandekx x'tagħmel u trid timla' l-ħin... miegħek li l-imgħallem minghalih qed taħdem… u int tkun qed tħuf fid-dinja ta' l-internet... [kitbiet u opinjonijiet espressi f'dan il-blogg ma jirriflettu bl-ebda mod l-opinjoni/twemmin ta' gruppi li tagħhom jien membru]
Tuesday, December 22, 2009
Awguri, Slaleb u Kuluri
Ser nagħlqu s-sena niddiskutu mhux it-twelid ta’ Ġesù Bambin, imma t-tneħħija ta’ Kristu Msallab mill-postijiet pubbliċi... għax ovvjament hux ... la qed inħallas it-taxxi bħal kulħadd, għandi dritt nagħżel li ma jidhirx is-salib... minflok ma nara kif nista’ nilħaq kompromess, u spazju għal djalogu biex nifhmu aktar Ahmed il-Mislem u Lin-Chu-Chao l-Buddist kif jaħsbuha. Hehe... imbagħad jidħol is-sabih f’kuntest hekk hux... li ninsew li aħna nsara, u nagħmlu minn kollox biex DAK is-salib jibqa’ hemm... u DAK il-klandestin inkeċċuh u nħalluh imut jekk hemm bżonn basta ma jersaqx lejn xtutna... viva l-ironija!
Imma ngħiduha kif inhi... din fiha biċċa wġiegħ ta’ ras tafux din tas-salib... allura jekk tinqata’ liġi hekk u jitneħħew is-simboli reliġjużi minn postijiet pubbliċi... ikollna nibdlu l-isem tal-Isptar (Mater Dei)? Nibdlu kull isem ta’ triq imsemmija għal xi qaddis? L-ismijiet tal-kulleġġi tal-Gvern, nibdluhom ukoll? U n-niċeċ storiċi b’qaddisin kattoliċi? U xi ngħidu għall-bambini tar-roundabouts? Ajma ħej jitneħħew dawk! X’ħa jisirqu mbagħad il-galantomi primi li jisirqu l-bambini kull santissmu Milied?
Ijwa kienet sena li rajna t-Trattat ta’ Lisbona jiġi implimentat... u s-Summit tal-Klima f’Kopenħagen li kien wieħed suċċess għal xi mexxeja ta’ stati... u mandra għall-bqija tad-dinja.
Insomma... kienet sena li fiha rajna lil Duminku Mintoff jidħol fiċĊentru Nazzjonali Laburista... meta l-Perit qal lil Ġużeppi li jekk ibiegħ il-bini jagħmel kemxa tajba... ftit ġimgħat wara... l-Avukat Franco Debono ... b’ħalib ommu kollu kemm hu fi snienu għoġbu jqajjem paniku f’ġisem il-Gonz u l-bqija.
Kienet sena li għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna... sar qbil miż-żewġ naħat tal-kamra dwar il-ħatra tal-President George Abela. Ngħid għalija... wera u qed juri li hu president ta’ kulħadd, li ma jingħalaqx San Anton iżda jinżel fit-toroq, saħansitra jiġri... u erħilu jiġbor għall-Istrina li dis-sena kollha kemm hi f’idejh... u mingħajr rigali
Ijwa... sena li qajmet kjass sħiħ fost id-dilettanti tal-armar tal-festi... u erħilha d-devozzjoni ħierġa tant li l-ħitan tal-Kurja għoddhom waqgħu bid-dagħa... imma minflok ċeda ħajt ftit passi ‘l isfel minnha... liema ħajt imiss mal-Argotti.
...sena li fiha l-Lejber tella’ l-akbar ammont ta’ siġġijiet u ta tkaxkira tajba lill-PN fl-elezzjonijiet tal-Ewro-Parlamentari... elezzjonijiet li tellgħu uċuħ ġodda b’ħafna tikmix... elezzjonijiet li ġew wara l-ewwel budget ta’ Gvern Nazzjonalista wara l-elezzjoni ġenerali tal-2008... fejn ingħafas mhux ftit iċ-ċintorin! Ħabat tajjeb li l-elezzjonijiet tal-Ewro-Parlamentari ma sarux wara t-tieni budget... għax kieku ... il-Bambin biss jaf!
Bla dubju li sena oħra... bħal kull sena... ħa nkomplu nisimgħu b’kontroversji... nies jirriżenjaw... u avvenimenti sbieħ ukoll. Hawn min iħobbu daqs kemm hawn min ma jinżillux patakka... imma l-Papa Benedittu XVI ser iżur xtutna f’April li ġej u bla dubju li min jaħdem il-Belt dakinhar ser ikollu skuża tajba li minħabba t-traffiku ma jersaqx lejn ix-xogħol.
Ninsab kurjuż dwar is-sena d-dieħla... tgħid noħorġu mir-riċessjoni? Tgħid jibqgħu s-slaleb? Tgħid... naħseb aħjar ma ngħid xejn, u naraw x’inhu ġej!
Awguri l-aħwa!
Wednesday, November 11, 2009
L-Amorin
In-nanna Alla jaħfrilha kienet issejjaħlu l-‘Budgie’… fi żmien meta il-Ministru tal-Finanzi kien joqgħod jagħti lista sħiħa tal-prezzijiet tal-prodotti… dak kien il-pjan tal-infieq u l-inkwiet tal-Gvern ta’ pajjiżna… il-prezz ta’ bott tonn taż-żejt… il-prezz tal-bajd u ġobon… il-prezz tal-ħobż…
Insomma... dal-budgie... jew aħjar... l-amorin... jimlilek l-art kollha qxur ta’ żrieragħ u ħmieġ proċessat... iżda bħall-amorin ukoll iferrħek b’dik it-twerżiqa kantata u l-kuluri sbieħ tiegħu. Sew jekk kaħlan, safrani, abjad jew aħdar... l-amorin itik ftit... u joħodlok ftit ieħor. Ijwa ħija... dan l-amorin iferraħ lil Peppi u joqros lil Ċikku fl-istess ħin li joqros lil Peppi u jferraħ lil Ċikku.
Jekk tkun tpejjep... titlob il-Bambin li l-Amorin qatt ma jasal... għax għid li żgur ser jgħolielek dak il-pakkett imsiemer tal-pulmun. Jekk inti tqis ruħek mal-‘kulħadd’ allura aktarx li tistenna bi ħġarek iż-żieda tal-għoli tal-ħajja... imma marell din qatt m’hi biżżejjed. U jekk inti tpappiha minn fuq it-taxxi tiegħi u ta’ sħabi kollha li jaħdmu... jew għax tirreġistra fil-għodu u tmur tbaqqan xi ħajt siegħa wara... jew ħriġt bord sempliċiment għax xbajt taħdem u wiegħed lil xi tabib kandidat li ser tivvutalu... jew sempliċiment qatt ma ħdimt f’ħajtek u skartajt ix-xogħol għax int purament għażżien... jew ma tixtrix ħalib u ħobż meta s-Super 5 taqbeż il-€100,000 biex ‘tittanta xortik’ b’kemm Alla ħalaq biljetti... allura aktarx int wieħed mill-aktar nies f’dal-pajjiż li b’xi mod misterjuż issib il-wiċċ li tgerger.
Illum iżda ma nisimgħux ministri jgħajtu l-lista tax-xirja... imma nisimgħu kliem tqil bħal Prodott Gross Domestiku... Żvilupp Sostenibbli... Defiċitt... Pakketti ta’ Stimolu... Fond imsejjaħ Mikro-kreditu... imma nsomma... ħafna kliem tqil li jsarraf f’ investimenti ta’ kull xorta skond il-politika tal-Gvern b’ mod li qatt ma tkun tidher li hemm xi ħjiel ta’ ideat min-naħa tal-opożizzjoni... ħafna kliem li jekk tagħsru sewwa qed jgħidlek... ħa ntik ftit minn hawn u noħodlok koċċ minn hemm...
Illum... le... ma nsemmux il-lista tal-prodotti... imma nitkellmu dwar il-prezz taż-żejt, il-kriżi finanzjarja, l-għoli tal-ħajja, il-kjuwijiet fl-isptar, l-ispiżerija tal-għażla tiegħek, il-qagħad fost iż-żgħażagħ, eko-Għawdex, żidiet misterjużi fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, taxxa fuq il-proprjetà... imma ma hemmx li nsibuh aħna ż-żejt?!
Ma taħsbikx qed tisma’ kummenti minn pajjiżi differenti? Għidli int kieku twilidt f’xi mkien fejn tqumx fil-għodu u ssibx tiekol huwa l-inkwiet tiegħek. Ehh... kieku l-amorin jitkellem!
Relatati: http://www.timesofmalta.com/articles/headlines/budget
Wednesday, September 9, 2009
Imma... jaħasra
Rieqed fuq sodda komda... saqqu ortopediku... nagħfas swiċċ u jixgħel id-dawl... niftaħ id-doxxa u jinżel ilma sħun, jaħraq jew kiesaħ skond kif irrid... niftaħ il-friġġ u nixrob ilma frisk, koka, fanta, ħalib... li rrid... ninżel isfel nistartja l-karozza u nħossni żvinturat jekk ma tistartjax... mort ix-xogħol... wara mejda u kompjuter b’arja friska ġejja mill-air conditioner... lura d-dar mix-xogħol inbiddel ħwejġi... malja jekk sejjer il-baħar... biċċa xorts jekk ħa nibqa’ d-dar... u x’ħin jasal il-ħin li noħrog nitfa’ xorts ieħor jew qalziet ħafif... u flokk frisk li importanti ma jkunx l-istess tal-bieraħ... u nerħilha fi triqti lejn dak il-flixkun birra, ġelat jew xi biċċa laħam tajba, ċips jew xi berger... lura d-dar insib is-sodda ...
...imma għall-Gladys, Kwame, Kofi u Ama l-ħajja daħkitilhom b’mod differenti milli daħket lili u lilek. Il-ħajja tathom ix-xorti li ma jkunux jafu b’televixin, internet, sufan, pultruna, remote control, saqqu ortopediku, gwardarobba... u wisq anqas air conditioner. Jekk ta’ sittax ħriġt taħdem... irringrazzja ‘l Alla li ma ħriġtx taħdem fl-għalqa ta’ ħames snin, jew li għax inti t-tifla l-kbira trid toqgħod tiġri bl-iżgħar minn ħutek fuq dahrek waqt li ommok tkun qegħda tipprova taqla’ x’tiekol.
Emmnuni... ma nafx min hu l-jaħasra...
Friday, July 10, 2009
Povru Majjal!
Hawn min jiskanta u jħossu diżastru għax id-dinja kultant ittih bis-sieq.
Fid-dawl ta’ seħibna l-virus H1N1... ta’ l-iswajn... jew aħjar u b’inqas pepé il-virus tal-majjal... irrealizzajt kemm dal-povru annimal imsejjaħ ħanżir għandu

għalxiex iqajjem rewwixta... id-dinja mhux biss ittih bis-sieq imma saansitra bil-ponn, bil-ħarta, bis-sawt u bil-lembubi.
Mela ejja nibdew minn did-dinja ta’ influwenza li m’hi xejn iktar gravi minn influwenza komuni. Tlaqqmet bħala l-‘influwenza tal-majjali’ li bdiet mill-Messiku (din ta’ issa)... għax ħafna mingħalihom li bdiet mill-majjal... pero fil-verità, kien il-povru majjal li f’każ partikolari fil-Kanada bidwi ta l-marda lill-ħnieżer tiegħu.
Il-Ghana... pajjiż fqajjar iżda stabbli, bi Gvern għaqli u b’demokrazija li taħdem... waqqaf kull importazzjoni tal-laħam tal-majjal... għax ovvjament minn hemm tittieħed... le le!
Bil-kelma fuq fomm kulħadd u l-aktar li tisma’ bħalissa hija ‘swine’... li bil-Malti saret ‘l-iswajn’... għandna influwenza li mxiet fuq pajjiżna wara li laqtet lid-dinja kollha... bħal qisu ħsibna li għal darb’oħra ħa niskansawha. Marda li ġiet fi żmien ħażin... fejn kulħadd jgħidlek taħsel idejk elf darba kuljum fil-ħin eżatt li seħibna l-Gonz għolla l-prezz ta’ l-ilma.
Imma ngħiduha kif inhi... dal povru majjal... jintema sakemm jismen... jinqatel u jittiekel. Xi kulturi ma jikluhx għax jgħidulek li hu annimal maħmuġ, oħrajn bħali jinżlilhom għasel b’dik in-naqra patata l-forn imħawra bil-bużbież. X’jibqa’ fik tkun ħanżir għiduli. Jekk tkun ħanżir tajjeb għan-namra... trid u ma tridx issib il-bidwi jqabbdek mas-sieħba... u ‘jqabbdek’ mhux bħalma sħabek iqabbduk ma’ xi mara qisek qiegħed il-Havana jew il-Coconut tafux... Le, jaqbadlek l-annimal u jilgħablek naqra ta’ logħba mħallta bejn golf u darts. Imma ejja ma nidħlux f’dettall...
Tkun ħanżir ifisser li għandek għallinqas tliet kwarti ta’ Malta u Għawdex iżejnu d-dagħa bik... “Ħaqq għall-ħanzira”, “...dik il-ħanżira Eva”, “... wiċċ dak il-ħanżir...”... povru majjal nerġa ngħid.
Kull bniedem nittien, maħmuġ, jew b’xi laqta ta’ doppju sens fi kliemu... aktarx jgħajruh ħanżir... u xi ngħidu għal xi raġel mimli b’ego sfrenat... jirreferi għall-ġismu bħala l-ħanżir?
Jien ma nafx fejn ser naslu b’dan l-iswajn... u ma nafx inqumx għada bih... imma ħabib ħaqq għall-ħanżira... tkun ħa taqa’ ħażin... ftakar... il-Mulej seta’ bagħtek majjal... fuq platt mal-bużbież u l-patata wara xeba’ dagħa b’kulma fik u b’mewta bíx-xokkijiet... jew xi mkien fejn jitqażżu anke jħarsu lejk... flok il-bniedem bl-istorja li għamlitek dak li int.
Canada: Farmer possibly gave swine flu to pigs http://edition.cnn.com/2009/HEALTH/05/03/swine.flu.canada/index.html
The world response to flu crisis http://news.bbc.co.uk/2/hi/americas/8022516.stm
Tuesday, June 2, 2009
Uċuh
Qgħadt nosserva nies telgħin u neżlin f’dik li tista’ tgħidilha belt oħra taħt l-art f’Londra… l-underground. Mijiet ta’eluf ta’ wċuh… tondi, kwadri, imkemmxin, tawwalin, xi wħud li ma tpinġihomx… oħrajn li qas kieku tista’ ma tiġik ħajra tpinġihom... uċuh bojod, bin-nemex, bix-xagħar u mingħajru, bil-leħja, daqna, mustaċċi, ruxxana, suwed, somor, u anke safranin. Uċuh li jidħku, oħrajn imħassba, oħrajn bla espressjoni, għajjiena u biċċiet minnhom itik li ttihom bil-ħarta. Uċuh imżewqin b’għajnejn koħol, oħrajn ħodor, kannella jew suwed. Wiċċ ta’ tallab żagħżugħ li ġie jieħu b’idejn in-nies inkluż tiegħi, wiċċ ta’ tfajla asjatika ddoqq il-kitarra u tar-rastamann idoqq it-tnabar. Wiċċ ta’ koppja daħkana mhedija fl-imħabba... u sieħba li bagħtet lis-sieħeb jieħdu ‘l hawn u ‘l hinn flok qaltlu bonġu. Uċuh tat-trabi innoċenti li qas jafu x’laqathom jippruvaw jieħdu nifs fir-rassa, uċuh tat-tfal u żgħażagħ sejrin lura d-dar (jew min jaf fejn) mill-iskola u ta’ rġiel u nisa kbar mexjin fir-rutina ta’ kuljum.
Eluf ta’ wċuh... kull wiċċ... elf storja.
Min jaf x’hemm taħt dik it-tbissima jew tgemgima? Min jaf għala t-tallab spiċċa jittallab u jien komdu bil-paga dieħla jien u niġri fit-toroq ta’ Londra? Min jaf... inti taf?
Thursday, March 5, 2009
‘Six ninety!’
Qed nibda naħseb li l-karozza għażiża tiegħi kapaċi tlissen il-kliem “Tuni daqqa u aħarbu ‘l hemm!”.
Mela kienet ġurnata xogħol bħall-oħrajn li ntemmet b’wiċċ il-ġid u malli daqqu l-4.15pm, irħejtilha bħas-soltu lejn il-karozza, ipparkjata bħal dawn l-aħħar kważi sentejn fl-hekk imsejħa Fossa fil-Belt Valletta… eżatt fejn il-piċċ tal-waterpolo.
Warajja ma sibt lil ħadd ipparkjat... u f’qalbi għidt ‘Bumba, illum malajr noħroġ’. Imma aktar ma qrobt lejn il-karozza... irrealiżżajt li warajja aktarx KIEN hemm vann kaħlani bil-kaxxa wara, aktarx b’xi naqra torba fil-kaxxa... vann li rnexxielu jirkeb lill-għażiża Punto tiegħi bħal meta tara xi kelb tal-wolf jirkeb xi poodle...
Imma naturalment... il-kelb tal-wolf immarka t-territorju u telaq... u mmarkah ingħid. (Ejja ngħidu li rrid nibdel il-bieba tal-but tal-karozza.)
Mawra sa l-għassa tal-Belt kellha l-avventuri tagħha. Mara li b’ħafna galbu staqsiet lill-pulizija preżenti (skont hi għat-tliet darba) dwar meta ser jasal is-surġent, ta’ pulizija midħla tal-customer care, qaltilha ‘Ijwa! Mhux diġà għidtlek li daqt ġej is-surġent?! Mur bil-qiegħda u stenna.” Ikolli ngħid li fin-nofs siegħa li qattajt l-għassa dil-povra pulizija ma’ waqfitx sekonda tirrispondi t-telefon bil-‘Hello, l-Għassa tal-Belt...’ allura tort sa barra ma ntihiex. Imbagħad daħal żagħżugħ forma ta’ ġolf, jilmenta, ‘Ijwa għalfejn waħħaltuli karta biex inneħħi l-karozza? Tiegħi biss taraw?” U fost id-dagħdigħa qal... “Anke l-pjanċi neħħejtilha għax ġa serquhomli. Imma d-dar qegħdin.” Sintendi dal-ġolf ftit qatt għaddietlu minn moħħu li l-pjanċi qegħdin hemm biex jidentifikaw lis-sid tal-karozza.
Sadanittant kif kont l-għassa tajt titwila lejn in-notice board mimlija tpinġijiet bil-kompjuter ta’ nies imfittxija, ritratti ta’ nies li daħlu jisirqu ġo xi ħanut, ritratti ta’ nies qed jisirqu ftit passi bogħod minn fejn kienet il-karozza tiegħi... u f’qalbi bejn għamilt kuraġġ għax joħroġ xi ritratt u bejn għidt li la dawn baqgħu biss ritratti li qas in-notice board ma tiflaħ... aħseb u ara kemm ħa jinqabad il-kelb tal-wolf!
Biex ma ntawwalx... kien imissni ngħid il-fatti kif ġraw u wara li wrejt il-karozza lill-pulizija preżenti, b’biro ħadra fuq karta tal-gvern, dan l-uffiċċjal kiteb ir-rapport... bl-ifjen taħlita ta’ Ngliż u Malti, bi kliem bħal ‘waterpollo’ li jżejjen il-karta, u rapport li beda bl-Ingliż u kompla bil-Malti.
L-għada mort niġbor ir-rapport... ppreżentajt il-karta ta’ l-identità... skaduta bħal tal-poplu Malti u Għawdxi kollu... u wara dik il-minuta tfittex id-database li nista’ nobsor kemm hu sofistikat... il-pulizija bil-qiegħda wara l-kompjuter qaltli ‘Six-Ninety please’. Wiċċi bħal donnu beda jibdel il-kuluri... li għalkemm mhux diffiċli jibdilhom... dak il-ħin donnha kienet qed taqrali f’moħħi li ma fhimtx il-punt wara din il-miżata. Rapport... maħruġ mit-taxxi tiegħi u tiegħek, fuq karta tal-gvern, liema Gvern tellajna jien u nofs Malta miegħi... donnu xi kastig talli għamilt rapport talli qlajt daqqa fuq tint il-karozza... tgħid darb’oħra nipprova nieħu USB stick miegħi forsi ma tafx kif tiġini b’xejn?
Sunday, February 8, 2009
L-Ewro Vixin…
Rebħet Chiara u issa ibqgħu ċerti li ħa nitqallgħu nisimgħuha u narawha tkanta... fuq kull stazzjon tat-televixin... biex tgħaxxaq anke dawn dejjem jiżdiedu hawn... fuq kull stazzjon tar-radju... mobajls idoqqu għall-ħoss tad-diska What if We... u hemm taraha tkanta ‘l hawn u ‘l hinn sew jekk xi attività fqira ta’ xi raħal ma’ erba’ anzjani bejn ‘line’ u ‘house’... sew jekk avvenimenti fuq skala akbar... kull fejn tmur għid li ħa ssib lil Chiara u l-What if We...
naturalment dejjem tindaqq playback biex ma nistrapazzawlhiex il-vuċi.Ijwa l-aħwa... rebħet Chiara għat-tielet darba. Iżda did-darba ghandha ftit għadma aktar iebsa... trid tgħaddi mill-kwarti tal-finali... imbaghad semi-finali... biex tasal fil-finali tistħajjilha xi Torres jew Rooney fil-mixja lejn ic-Champions League... f’dak il-bard ta’ stat polizjesk bħalma hi Moska.
Imma żomm... possibbli ma għandniex kantanti sura ta’ nies li jkollna għalfejn nibagħtu l-istess waħda tliet darbiet fi ħdax-il sena?! Ehe f’dal festival... il-kwalità kienet xi ftit jew wisq bażwija... jew nejja jew maħruqa nsomma s-soltu... wieħed jimmutettja bil-vjolin u jkanta l-istess vers b’vuċi li qas hi tajba għax-xawer... mill-inqas tliet diski kienu fuq stil ta’opra... ħsibtni qed nara l-Fantażma tal-Opra... wieħed jipprova jħossu li hu xi Billy Joe ta’ Greenday verżjoni bjonda... ħafna diski ta’ mħabba miktuba minn ma nafx min u jkantahom xi ħadd li ma għandux idea għal min qed ikantaha.
Kumbinazzjoni rajt il-kantanta tat-Turkija mistiedna speċjali fuq programm tal-PBS... apparti li mhix tifla li tħares lejha darba biss... id-diska tagħha mill-ewwel tolqtok u ttik li tibqa’ tismagħha... li tirbaħ jew le... żgur tindaqq f’kull klabb madwar l-Ewropa. Imma nistaqsi... aħna x’għandna inqas?
Naħseb li naħlu wisq flus fuq dak li mingħalina investiment għall-mużika lokali meta għandna tant gruppi u kantanti ta’ kwalità li jistgħu jiġu mgħejuna biex jagħmlu suċċess barra... fuq kollox f’attivitajiet li ma jinvolvux voti skond il-pajjiżi... fejn tajba kemm hi tajba diska... tgħaddi ghax l-Ukranja tivvota lir-Russja... l-Iżvezja lin-Norveġja... l-Awstrija lill-Ġermanja... is-Slovenja lill-Kroazja... u tibqa’ sejjer hekk.
Imma la ormai ġa ħlejna l-flus... inutli nibku xi tlifna... allura ejja nawguraw lil Chiara kull suċċess u j’Alla tibni fuq is-snin l-oħra u did-darba toħroġ rebbieħa.
Thursday, January 1, 2009
Lejn Sen’oħra Ġdida
Kienet sena rekord oħra għal Malta fit-turiżmu bil-cruiseliners u b’dgħajjes imġenġlin mimlija nies li qasmu l-ħruxijiet ta’ deżerti sħaħ u li kieku kont ngħix pajjiżhom kont nagħmel eżatt bħalhom u meta sabu ruħhom fit-toroq wara sena u nofs maqfula f’villaġġ tat-tined ġo Ħal Far... supretendent tal-Pulizija, rappreżentant ta’ l-ordni u l-liġi, qal pubblikament li n-nies qed tibża’ tersaq lejn il-Marsa.
Sena li rat xeni tal-Wild West fejn tistħajjel lil John Wayne għaddej b’żiemel waqt li jdaħħan pakket Marlboro King Size. Iva l-aħwa, sirna cajbojs f’daqqa waħda... qalbithielek? Oqtlu! (mank lilha!) Ma stidnuhx? U sparalhom kollha ja qatta Nazzjonalisti li huma! Midjun miegħek? U tih tliet tiri ħa tirtu!
Sena li fixklet anke lis-Slaten Maġi din l-aħwa... għax waqt li kienu fi triqithom lejn l-Istilla... xi ħadd bħal tefagħhom f’candid camera u ħbielhom mhux Bambin wieħed imma saħansitra tnejn!
Sena li xi muqran bil-pedigree għoġbu jagħmel ħerba mill-oqbra f’żewġ ċimiterji li fl-opinjoni miżera tiegħi seta’ntefa fihom ukoll.
Inħares lura u nara sena li fiha bdejna nisseparaw iż-żibel fil-boroż bojod u komplejna nagħlqu l-istabbilimenti taż-żina, xorb u drogi fl-erbgħa ta’ fil-għodu bumm biex mingħalina jitneħħa ż-żibel minn ġo fihom.
Sena li rat lil Spanja tgħolli t-Tazza ta’ l-Ewropa... u Malta titla’ fil-klassifika tal-FIFA b’kowċ li imbirik’Alla qabel logħba ġa kien jaf li naqilgħu erbgħa.
U biex induru għall-politika... rajna lil Cassola jieħu post il-Harry, Josie jgħid li ħa jirreżenja jekk jitlef u baqa’hemm... u m’għandniex xi ngħidu Fredu Sant warrab biex għamel wisa’ għal Joseph, il-mara li tħobbna lkoll, u li flimkien ser joħoloqu terremot, fl-hekk imsejjaħ Partit Laburista (PL), b’kumbinazzjoni waqt li l-Amerka tajret lil Bush u tellgħet lil Yes-We-Can Obama li anke Joseph, fiż-żmien ta’ l-e-mails onorah b’ittra ta' awguri bħallikieku kien il-pen friend.
Fuq nota personali kienet sena pjuttost pożittiva għax anke min-negattiv tgħallimt ukoll. Bdiet tajjeb, rikbet roller coaster u spiċċat bit-tajjeb ukoll. Sena li laqqgħetni ma’ħafna nies, sirt naf nies oħra aktar minn qabel, sifirt kull xahar fuq xogħol, volontarjat jew għall-gost u sena li rat il-familja tkompli tikber u n-nanna ssir bużnanna ta’ tmintax-il ruħ.
X’inhu ġej fl-2009 ma nafx. Naf li la l-petrol raħas, il-karozza ser tieħu aktar pjaċir għax nimliha iktar b’inqas. Naf li ħa nivvumtaw nisimgħu fuq id-dinja ta’ riċessjoni u qed nibża li mmorru nerġgħu ngħixu għarwenin fl-għerien u nikkaċċjaw għall-fniek bil-vleġeġ.
Sena ġdida li żgur u mhux għax jien xi profeta, ser nisimgħu xi ftit dwar it-tibdil fil-klima, it-triq ta’ l-Għadira, il-kaċċa la toqrob ir-rebbiegħa u l-għażla tal-President il-ġdid u l-Ewro Parlamentari.
Sena oħra li ser tgerbeb bħalma gerrbet din li għaddiet. Sena li rridu nippruvaw ngħixu aħjar minn ta’ qabilha b’reżoluzzjonijiet ġodda u oħrajn li qatt ma rnexxew. Sena li fuq kollox irridu ngħixuha u mhux neżistuha. Sena li fiha ta’ min nirriflettu u naraw il-valuri tagħna vera x’inhuma bħala individwi parti min-nazzjon li bħal qisu qiegħed fiċ-ċentru tad-dinja. Sena li tiġi kif tiġi, noħduha b’li tiġi...
...is-Sena t-Tajba l-aħwa!











