Inħares lura lejn is-sena li ħallietna… is-sena 2008. Sena li bdiet bl-Ewro, bl-ATM li ma taħdimx u spiċċat b'riċessjoni, credit crunch, fallimenti... sejħilhom li trid... madwar id-dinja... imma li aħna ta’ gżira li aħna din ma messitniex... l-ebda bank m’għalaq, l-ebda suq ma falla u l-ebda katina ta’ ħwienet... imma sena li ħa twassalna għall-effetti tal-famuż Budget 2009... budget ta’ sena li rat ir-rebħa elettorali tal-lejber filgħodu u tan-Nazzjonalisti filgħaxija... fejn bis-saħħa t’hekk qattajna jumejn niċċelebraw, inħaraqli l-ħorn u sat-Tnejn filgħaxija kont stuppin... waqt li għidt lil tifel liebes aktar mill-karnival li r-ritratt li ħadtlu ħa jidher f’paġna 4 tal-ġurnal in-Nazzjon.
Kienet sena rekord oħra għal Malta fit-turiżmu bil-cruiseliners u b’dgħajjes imġenġlin mimlija nies li qasmu l-ħruxijiet ta’ deżerti sħaħ u li kieku kont ngħix pajjiżhom kont nagħmel eżatt bħalhom u meta sabu ruħhom fit-toroq wara sena u nofs maqfula f’villaġġ tat-tined ġo Ħal Far... supretendent tal-Pulizija, rappreżentant ta’ l-ordni u l-liġi, qal pubblikament li n-nies qed tibża’ tersaq lejn il-Marsa.
Sena li rat xeni tal-Wild West fejn tistħajjel lil John Wayne għaddej b’żiemel waqt li jdaħħan pakket Marlboro King Size. Iva l-aħwa, sirna cajbojs f’daqqa waħda... qalbithielek? Oqtlu! (mank lilha!) Ma stidnuhx? U sparalhom kollha ja qatta Nazzjonalisti li huma! Midjun miegħek? U tih tliet tiri ħa tirtu!
Sena li fixklet anke lis-Slaten Maġi din l-aħwa... għax waqt li kienu fi triqithom lejn l-Istilla... xi ħadd bħal tefagħhom f’candid camera u ħbielhom mhux Bambin wieħed imma saħansitra tnejn!
Sena li xi muqran bil-pedigree għoġbu jagħmel ħerba mill-oqbra f’żewġ ċimiterji li fl-opinjoni miżera tiegħi seta’ntefa fihom ukoll.
Inħares lura u nara sena li fiha bdejna nisseparaw iż-żibel fil-boroż bojod u komplejna nagħlqu l-istabbilimenti taż-żina, xorb u drogi fl-erbgħa ta’ fil-għodu bumm biex mingħalina jitneħħa ż-żibel minn ġo fihom.
Sena li rat lil Spanja tgħolli t-Tazza ta’ l-Ewropa... u Malta titla’ fil-klassifika tal-FIFA b’kowċ li imbirik’Alla qabel logħba ġa kien jaf li naqilgħu erbgħa.
U biex induru għall-politika... rajna lil Cassola jieħu post il-Harry, Josie jgħid li ħa jirreżenja jekk jitlef u baqa’hemm... u m’għandniex xi ngħidu Fredu Sant warrab biex għamel wisa’ għal Joseph, il-mara li tħobbna lkoll, u li flimkien ser joħoloqu terremot, fl-hekk imsejjaħ Partit Laburista (PL), b’kumbinazzjoni waqt li l-Amerka tajret lil Bush u tellgħet lil Yes-We-Can Obama li anke Joseph, fiż-żmien ta’ l-e-mails onorah b’ittra ta' awguri bħallikieku kien il-pen friend.
Fuq nota personali kienet sena pjuttost pożittiva għax anke min-negattiv tgħallimt ukoll. Bdiet tajjeb, rikbet roller coaster u spiċċat bit-tajjeb ukoll. Sena li laqqgħetni ma’ħafna nies, sirt naf nies oħra aktar minn qabel, sifirt kull xahar fuq xogħol, volontarjat jew għall-gost u sena li rat il-familja tkompli tikber u n-nanna ssir bużnanna ta’ tmintax-il ruħ.
X’inhu ġej fl-2009 ma nafx. Naf li la l-petrol raħas, il-karozza ser tieħu aktar pjaċir għax nimliha iktar b’inqas. Naf li ħa nivvumtaw nisimgħu fuq id-dinja ta’ riċessjoni u qed nibża li mmorru nerġgħu ngħixu għarwenin fl-għerien u nikkaċċjaw għall-fniek bil-vleġeġ.
Sena ġdida li żgur u mhux għax jien xi profeta, ser nisimgħu xi ftit dwar it-tibdil fil-klima, it-triq ta’ l-Għadira, il-kaċċa la toqrob ir-rebbiegħa u l-għażla tal-President il-ġdid u l-Ewro Parlamentari.
Sena oħra li ser tgerbeb bħalma gerrbet din li għaddiet. Sena li rridu nippruvaw ngħixu aħjar minn ta’ qabilha b’reżoluzzjonijiet ġodda u oħrajn li qatt ma rnexxew. Sena li fuq kollox irridu ngħixuha u mhux neżistuha. Sena li fiha ta’ min nirriflettu u naraw il-valuri tagħna vera x’inhuma bħala individwi parti min-nazzjon li bħal qisu qiegħed fiċ-ċentru tad-dinja. Sena li tiġi kif tiġi, noħduha b’li tiġi...
...is-Sena t-Tajba l-aħwa!