Wednesday, September 9, 2009

Imma... jaħasra


Rieqed fuq sodda komda... saqqu ortopediku... nagħfas swiċċ u jixgħel id-dawl... niftaħ id-doxxa u jinżel ilma sħun, jaħraq jew kiesaħ skond kif irrid... niftaħ il-friġġ u nixrob ilma frisk, koka, fanta, ħalib... li rrid... ninżel isfel nistartja l-karozza u nħossni żvinturat jekk ma tistartjax... mort ix-xogħol... wara mejda u kompjuter b’arja friska ġejja mill-air conditioner... lura d-dar mix-xogħol inbiddel ħwejġi... malja jekk sejjer il-baħar... biċċa xorts jekk ħa nibqa’ d-dar... u x’ħin jasal il-ħin li noħrog nitfa’ xorts ieħor jew qalziet ħafif... u flokk frisk li importanti ma jkunx l-istess tal-bieraħ... u nerħilha fi triqti lejn dak il-flixkun birra, ġelat jew xi biċċa laħam tajba, ċips jew xi berger... lura d-dar insib is-sodda ...


...imma għal Precious, Christian, Diana, Isaac, Helen, Daniel, Richard, Ebeneezer, Wisdom u Happy... il-ħajja għandha prioritajiet differenti. Qabel l-iskola jridu jgħinu ‘l ommhom bil-faċendi... jaħslu l-ħwejjeġ b’idejhom mill-ilma li ġabu minn koċċ kilometri bogħod il-ġurnata ta’ qabel... imorru l-iskola... jaslu lura d-dar u jmorru fit-toroq b’xi dixx fuq rashom ibiegħu ċ-ċekċik li ommhom jew missierhom ikunu xtraw mis-suq fil-għodu. Jekk tiġihom tajba, ibiegħu imqar ħaqq kemm jiswa għoxrin ċenteżmu... u iva, jekk ikunu kapriċċużi, jilbsulek tibdila fil-għodu, u oħra fl-għaxija... l-istess għall-ġimgħa sħiħa.

...imma għall-Gladys, Kwame, Kofi u Ama l-ħajja daħkitilhom b’mod differenti milli daħket lili u lilek. Il-ħajja tathom ix-xorti li ma jkunux jafu b’televixin, internet, sufan, pultruna, remote control, saqqu ortopediku, gwardarobba... u wisq anqas air conditioner. Jekk ta’ sittax ħriġt taħdem... irringrazzja ‘l Alla li ma ħriġtx taħdem fl-għalqa ta’ ħames snin, jew li għax inti t-tifla l-kbira trid toqgħod tiġri bl-iżgħar minn ħutek fuq dahrek waqt li ommok tkun qegħda tipprova taqla’ x’tiekol.

...imma lil dawn it-tfal aħna mdorrijin ngħidulhom “Jaħasra”... u meta ltqajt magħhom, jien u sħabi tajnihom il-bżieżaq biex għamilnilhom logħba... mill-inqas għoxrin minnhom ħarbu jiġru biha d-dar, jaħbuha, jibżgħu għaliha. “Jaħasra”... iżda min hu fil-verità il-jaħasra ġgħeluni nistaqsi: Jien li niftaħ il-vit u ngerger għax l-ilma tiegħi mhux tajjeb għax-xorb... jew dik it-tifla li ġarret gerrycan fuq rasha f’ilma lewn hadrani skur u kuntenta li l-Bambin ipprovda l-ilma fix-xmara? Jien li trabbejt nilgħab bil-kompjuter, ballun, u nċempel bit-telefon... jew dak it-tifel li mar jibża għall-bużżieqa qisu sab xi teżor? Jien li nqatta’ nofs il-ġurnata komdu f’uffiċċju bil-paga dieħla fix-xahar, jew il-missier ta’ familja li mis-sette matinati qam jirgħa n-ngħaġ u jaħsad il-qamħ biex forsi familtu tgħix sa għada wkoll?

Emmnuni... ma nafx min hu l-jaħasra...


4 comments:

Andrei Azzopardi said...

Jaħasra aħna għax imfisdin f'kollox u niddependu wisq mis-soċjetà. Dawn it-tfal qed ibagħatu vera imma is-sempliċità tal-ħajja tagħom hija xi ħaga li ma nistawx nimmaġinawa. Ħsieb verament sabieħ Ryan.

Ryan Bugeja said...

Grazzi Andre.Hu hsieb.

Unknown said...

Ryan - very nice article. Well expressed.

Ryan Bugeja said...

Thanks Rich. Take care!