Thursday, April 8, 2010

Ġużeppi tal-Pitrolju

Kien raġel  twajjeb, ħażen ma jafx x’inhu. Ħajtu qattagħha jbiegħ il-pitrolju, idur bit-trakk u jbiegħ mill-intrata tad-dar ukoll. Meta rtira qatta’ sa tnejn u tmenin sena minn ħajtu jterraq it-toroq tal-Gżira, dejjem b’xi kelb qisu żigg u erħilu jgħaddi l-ġurnata. Daqqa jieqaf ikellmu Willie, u daqqa jieqaf ikellmu Chalie, daqqa paqpaqlu xi ħadd il-ħorn u sellimlu, xi drabi xi turista mitlufa ssaqsih għad-direzzjoni.



Għamilna karriera nispjegaw fejn hi d-dar tagħna billi ngħidu ‘ħdejn tal-pitrolju’... kulħadd kien jaf fejn hu Ġużeppi tal-Pitrolju.


Kont nieqaf inkellmu, inqatta’ dawk il-ħames minuti ngħidlu fejn ser insiefer jew x’sejjer nagħmel. Kliemu dejjem kienu ta’ kuraġġ, u dejjem, bi tbissima, qalli kemm ser jitlob għalija u li skont hu, diġà kelli posti fejn il-Bambin. Minn fommu ‘l Alla... imma kemm fadalli x’naqdef Ġuż!


Meta beda jgerbeb iż-żmien, Ġużeppi ma setax jibqa’ joħroġ bil-kelb bħal qabel iżda hemm ħdejn il-bieb jistenna ‘l min jieqaf ikellmu (u ma kienx idum jistenna ħafna!), jisma’  l-mużika Naplitana u tal-ħamsinijiet li tant kienet għal qalbu.


Kien hemm xi ġirien li ma kellhomx xi grazzja miegħu wkoll... u dan għax ġew joqogħdu fit-triq u kienu jgergru li Ġużeppi kellu maħżen tal-pitrolju taħt l-art (li ilu hemm minn meta t-triq kienet għelieqi għajr id-dar tiegħu)... ma nafx jien... imma jekk tiġi toqgħod ħdejn Ġużeppi tal-Pitrolju, żgur mhux ħa ssiblu ħażna qamħ eh!


Fuq kollox, Ġużeppi xorta baqa’ kuntent. Xejn ma fixklu. Rabba familja bis-sempliċità kollha li wieħed jista’ jimmaġġina, anke jekk aktarx kien jiflaħ mhux ħażin wara karriera ta’ negozjant. Rabbiha ma’ martu Marija, li tant kien iħobb... u bi tbissima, għalkemm qatt ma talab li jħalli din id-dinja, kien lest għal dak il-mument ukoll, kuntent li ladarba jagħlaq għajnejh għal dejjem, ser jiltaqa’ ma’ Marija xi mkien, f’post imbiegħed minn did-dinja.  Ibnu kompla fil-passi tiegħu, ibiegħ il-pitrolju, fi trakk iktar modern u kbir, li jgħaddi bi żbrixx fil-garaxx... differenti mill-bagħal u t-tank li beda jdur bih Ġużeppi fi tfulitu, u t-trakk ċelest li kien idur bih fi tfuliti.


Illum Ġużeppi ma għadux magħna... iżda l-garaxx li bidel f’dar sempliċi li kellha kċina, sodda, televixin, u l-isterjo għall-kant Naplitan... ngħaddi minn quddiemu kuljum u bħali jagħmlu l-ħafna nies oħra li jiftakruh. Ġużeppi ma għadux magħna, iżda ħajtu mliet il-ħajja ta’ ħafna nies, ta’ kull età b’aktar minn tbissima waħda. Ġużeppi ma għadux magħna, iżda qiegħed fejn qiegħed, qiegħed jitlob għal kull min waqaf ikellmu, ħdejn martu Marija.

Saturday, February 20, 2010

Nikber... u nitgħallem

Fil-ħajja tikber u titgħallem hux. Jekk ma titgħallimx, x’tgħix tagħmel ngħid jien? Issa li bdejt it-tmienja u għoxrin sena ta’ dil-ħajja mżewqa b’ħafna affarijiet sbieħ, inħares lura u ‘l quddiem biex nitgħallem aktar. Nara li diġà tgħallimt ħafna... imma donnu qatt m’hu biżżejjed.

Nikber... u nitgħallem li l-ħbieb tajba huma prezzjużi aktar mill-akbar ġawhra u li l-imħabba hija ta’ min jemmen fiha u jagħraf id-diversi livelli tagħha... hemm min tħobbu ftit... u hemm min ħafna. Hemm min tħobbu ħafna għax idaħħkek, u hemm min tħobbu inqas għax ma jdaħħkekx daqs ta’ qabel. Hemm min imbagħad issir tħobbu u bħal qisu tkun taf li aktarx ser tqatta’ ħajtek ma’ din il-persuna... għax magħha tista’ tkun int, ma għandekx għalfejn tkun ħaddieħor biex tintgħoġob, tkun komdu mingħajr tqanżih u pożi. Dan b’differenza għal min tħobbu inqas proprju għax miegħu trid tilbes maskra maskrun biex issib xi forma ta’ xi ħaġa komuni. Fuq kollox nikber u nirrealiżża kemm il-familja tagħmlek il-bniedem li int, ittik dik il-formazzjoni soda qabel titilqek fil-ġungla. Il-familja li tista’ tagħmlek u tkissrek... u b’xorti tajba... sibt familja li għamlitni... familja li għarrfet tappoġġjani biex nesegwi l-ħolm tiegħi... li tatni l-kelma t-tajba meta żbaljajt jew rat li ħa nieħu deċiżjoni żbaljata... fuq kollox familja li ħabbitni u għadha tħobbni.

Nikber... u nitgħallem li x-xogħol mhux kollox fil-ħajja. Nikber u nkompli nikkonferma anzi, li jekk ix-xogħol ħa jżommok milli tilħaq dak il-ħolm li dejjem xtaqt tilħaq... allura inti tkun qed tirriduċi ruħek għax-xogħol mingħajr ma tgawdi l-veru sens tal-ħajja. Turi li inti ġejt fid-dinja biex titwieled, forsi tistudja, taħdem u bħal kulħadd... tmut. Turi li ... prattikament ġejt fid-dinja biex teżisti.

Nikber... u nitgħallem li per eżempju bħal-lum, ninduna li inutli noqgħod nara l-Festival tal-Malta Song... għax fl-aħħar mill-aħħar... saret farsa politika kull sena... min jipprotesta għax kantant vuċi żejda minn wara... u min wara li jispiċċa kollox erħilu jaqla’ t-tamal, biex ma nużax kliem ieħor ma jmurx nispiċċa ċċensurat u arrestat... it-tamal tal-ministri, tal-bord... aktarx għax ikun tilef. Imbagħad tgħallimt biex ma nistenniex id-diska Maltija terbaħ... għax għid li l-logħba hija bejn il-pajjiżi ġirien, u nħares madwari... madwari... u nara li ma hemmx ġirien madwarna aħna l-Maltin...u l-uniċi ġirien Ewropej... ħarġu minna dil-purċinellata tal-Eurovision.

Nikber u nitgħallem... li l-politika hija logħba... logħba sabiħa tafux... sakemm tibqa’ waħda nadifa u fejn id-djalogu u mhux il-vjolenza jagħmlu l-liġi. Logħba li hi mirquma, u fejn il-konvinzjoni ttik il-voti, fejn il-kliem mhux il-vjolenza jtuk tmexxija ta’ suċċess. Biżżejjed tħares lejn l-istorja riċenti tagħna l-Maltin... fejn b’nies bħal Duminku Mintoff fl-aqwa tiegħu... meta ħass il-polz tal-poplu u daħħal fost affarijiet oħra s-servizzi soċjali... aktar milli l-Baħħar u Sewwi... u Eddie Fenech Adami li jumejn wara li farrkulu d-dar u werwrulu l-familja pprova jgħaqqad il-poplu flok jifirdu aktar... nies li bis-saħħa wkoll tagħhom... għandna l-Malta kif nafuha llum... pajjiż modern, immexxi b’għaqal minkejja l-kritika u l-intoppi li tirċievi kull tmexxija.

Nikber u nitgħallem... li l-ħajja sabiħa skont kif tgħixha... u skont kif tirrelata ma’ ta’ madwarek... skont kemm tħobb u mhux skont kemm tinħabb... din ta’ l-aħħar tiġi waħedha. Nikber u nitgħallem... li d-dinja żgħira u Malta iżgħar... allura tkun ħasra jekk imqar kultant ma taqbadx ajruplan u tmur tiskopri x’hemm barra xtutna... barra l-kontinent Ewropew... f’postijiet li normalment inqisuhom biss tat-televixin.

Tuesday, January 26, 2010

Xarabank... oooEEOOO!

Jien ma nafx l-aħwa… dawn tax-xarabank… erħilhom jilmentaw ... iwaqqfu pajjiż jekk b’xi mod jew ieħor ixxellifha magħhom... u issa li Wistin offrielhom pakkett pakkettun aqwa mill-pakkett ta’ seħibna Eddie biex daħħalna fl-Ewropa... qed iġibuha bi tqila wkoll. Jien ma nafx fuq li ma nafx eh. Spjegali, għax ma nafx... kif tista’ tgerger, meta jiġi xi ħadd li ta’ xi biċċa Morris Minor skassata u għandha xorti għandha r-roti jduru... jiġi u jtik ċekk ta’ xi €5000. Bl-istess paragun... kif tista’ toffri €98,000 għall-karozzi tal-linja l-antiki, garanzija ta’ xogħol għal 10 snin... u tgerger?! Imbagħad jiġi l-President... il-mexxej tar-rejiet tat-triq... ħadd ħlief Victor Spiteri... jgħid... li imsieken is-sidien tal-linja investew ħafna fit-trakkijiet tagħhom fl-aħħar sitt snin... u issa l-Wistin tahom ultimatum... u bħal donnhom inħasdu... ma jafux x’jaqbdu jagħżlu...Marija tal-Ħniena! Qalilna ninvestu u issa qalilna “Agħżlu jew titilfu kollox”...  Investew... ma nafx fiex imma ilhom sitt snin jinvestu msieken... Jekk id-duħħan li nibla meta kuljum preċett mid-dar immur għax-xogħol u lura jissejjaħ investiment... ma nafx jien ta... investiment żgur fl-użu tas-servizzi tal-isptar il-quddiem. Dawn sħabna li ‘l fuq minn sena u nofs ilu pparalizzaw Malta għax fetlilhom jagħmlu strajk... fl-aħħar donnhom sabu kappell jiġihom... Austin... għalija... ħaqqu applaws nobbli, bla qies u bil-wieqfa, minn Malta kollha... Malta Nazzjonalista... Malta Lejburista... Malta ħadra... u Malta li tifflowtja. J’Alla biss li issa r-riforma mwegħda ma ssibx intoppi... u nibdew naraw xi bidliet fl-aħħar...


Fl-istess ħin tafux... imbagħad naħseb f’dak ix-xufier ġenwin li bla ħsara ‘l ħadd jagħmel dak li jista’ biex jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum. Dak ix-xufier li huwa galbuż mat-turist, mhux nittien mat-turista, u li jtik il-bqija anke jekk ittih il-kbar. Dak ħaqqu mhux biss għaxar snin garanzija ta’ xogħol... imma anke għoxrin jekk hemm bżonn... imma lil min ser tagħti garanzija ta’ xogħol? Lil dak li niżżel turist mit-trakk għax qabad jagħtas fi żmien l-iswajn? Lil dak li jiġi jitmellaħ u jpejjep sigarett wara l-ieħor waqt li jsuq? Lil dak li jtik bqija ħażina, għax int turist, jew iqajjem panic għax tinqabad mingħajr żgħar? Jew forsi lil dak li jgħajjat “Move BACK ħaqq għall-ma*****” b’tali mod li kulħadd jisimgħu anke l-Ġappuniż li qiegħed kważi mal-bieb tal-ħruġ tal-emergenza?


Nistennew u naraw... jekk dawn ir-rejiet tat-triq (il-ħamalli arroganti... mhux il-ġenwini) waslilhomx żmienhom... li forsi jimmansaw xi ftit... jew saħansitra jinqalgħu minn fuq it-triq u jmorru lura għall-għerien li ħarġu minnhom qabel bdew isuqu t-trakkijiet tal-linja!