Saturday, February 20, 2010

Nikber... u nitgħallem

Fil-ħajja tikber u titgħallem hux. Jekk ma titgħallimx, x’tgħix tagħmel ngħid jien? Issa li bdejt it-tmienja u għoxrin sena ta’ dil-ħajja mżewqa b’ħafna affarijiet sbieħ, inħares lura u ‘l quddiem biex nitgħallem aktar. Nara li diġà tgħallimt ħafna... imma donnu qatt m’hu biżżejjed.

Nikber... u nitgħallem li l-ħbieb tajba huma prezzjużi aktar mill-akbar ġawhra u li l-imħabba hija ta’ min jemmen fiha u jagħraf id-diversi livelli tagħha... hemm min tħobbu ftit... u hemm min ħafna. Hemm min tħobbu ħafna għax idaħħkek, u hemm min tħobbu inqas għax ma jdaħħkekx daqs ta’ qabel. Hemm min imbagħad issir tħobbu u bħal qisu tkun taf li aktarx ser tqatta’ ħajtek ma’ din il-persuna... għax magħha tista’ tkun int, ma għandekx għalfejn tkun ħaddieħor biex tintgħoġob, tkun komdu mingħajr tqanżih u pożi. Dan b’differenza għal min tħobbu inqas proprju għax miegħu trid tilbes maskra maskrun biex issib xi forma ta’ xi ħaġa komuni. Fuq kollox nikber u nirrealiżża kemm il-familja tagħmlek il-bniedem li int, ittik dik il-formazzjoni soda qabel titilqek fil-ġungla. Il-familja li tista’ tagħmlek u tkissrek... u b’xorti tajba... sibt familja li għamlitni... familja li għarrfet tappoġġjani biex nesegwi l-ħolm tiegħi... li tatni l-kelma t-tajba meta żbaljajt jew rat li ħa nieħu deċiżjoni żbaljata... fuq kollox familja li ħabbitni u għadha tħobbni.

Nikber... u nitgħallem li x-xogħol mhux kollox fil-ħajja. Nikber u nkompli nikkonferma anzi, li jekk ix-xogħol ħa jżommok milli tilħaq dak il-ħolm li dejjem xtaqt tilħaq... allura inti tkun qed tirriduċi ruħek għax-xogħol mingħajr ma tgawdi l-veru sens tal-ħajja. Turi li inti ġejt fid-dinja biex titwieled, forsi tistudja, taħdem u bħal kulħadd... tmut. Turi li ... prattikament ġejt fid-dinja biex teżisti.

Nikber... u nitgħallem li per eżempju bħal-lum, ninduna li inutli noqgħod nara l-Festival tal-Malta Song... għax fl-aħħar mill-aħħar... saret farsa politika kull sena... min jipprotesta għax kantant vuċi żejda minn wara... u min wara li jispiċċa kollox erħilu jaqla’ t-tamal, biex ma nużax kliem ieħor ma jmurx nispiċċa ċċensurat u arrestat... it-tamal tal-ministri, tal-bord... aktarx għax ikun tilef. Imbagħad tgħallimt biex ma nistenniex id-diska Maltija terbaħ... għax għid li l-logħba hija bejn il-pajjiżi ġirien, u nħares madwari... madwari... u nara li ma hemmx ġirien madwarna aħna l-Maltin...u l-uniċi ġirien Ewropej... ħarġu minna dil-purċinellata tal-Eurovision.

Nikber u nitgħallem... li l-politika hija logħba... logħba sabiħa tafux... sakemm tibqa’ waħda nadifa u fejn id-djalogu u mhux il-vjolenza jagħmlu l-liġi. Logħba li hi mirquma, u fejn il-konvinzjoni ttik il-voti, fejn il-kliem mhux il-vjolenza jtuk tmexxija ta’ suċċess. Biżżejjed tħares lejn l-istorja riċenti tagħna l-Maltin... fejn b’nies bħal Duminku Mintoff fl-aqwa tiegħu... meta ħass il-polz tal-poplu u daħħal fost affarijiet oħra s-servizzi soċjali... aktar milli l-Baħħar u Sewwi... u Eddie Fenech Adami li jumejn wara li farrkulu d-dar u werwrulu l-familja pprova jgħaqqad il-poplu flok jifirdu aktar... nies li bis-saħħa wkoll tagħhom... għandna l-Malta kif nafuha llum... pajjiż modern, immexxi b’għaqal minkejja l-kritika u l-intoppi li tirċievi kull tmexxija.

Nikber u nitgħallem... li l-ħajja sabiħa skont kif tgħixha... u skont kif tirrelata ma’ ta’ madwarek... skont kemm tħobb u mhux skont kemm tinħabb... din ta’ l-aħħar tiġi waħedha. Nikber u nitgħallem... li d-dinja żgħira u Malta iżgħar... allura tkun ħasra jekk imqar kultant ma taqbadx ajruplan u tmur tiskopri x’hemm barra xtutna... barra l-kontinent Ewropew... f’postijiet li normalment inqisuhom biss tat-televixin.