Thursday, April 8, 2010

Ġużeppi tal-Pitrolju

Kien raġel  twajjeb, ħażen ma jafx x’inhu. Ħajtu qattagħha jbiegħ il-pitrolju, idur bit-trakk u jbiegħ mill-intrata tad-dar ukoll. Meta rtira qatta’ sa tnejn u tmenin sena minn ħajtu jterraq it-toroq tal-Gżira, dejjem b’xi kelb qisu żigg u erħilu jgħaddi l-ġurnata. Daqqa jieqaf ikellmu Willie, u daqqa jieqaf ikellmu Chalie, daqqa paqpaqlu xi ħadd il-ħorn u sellimlu, xi drabi xi turista mitlufa ssaqsih għad-direzzjoni.



Għamilna karriera nispjegaw fejn hi d-dar tagħna billi ngħidu ‘ħdejn tal-pitrolju’... kulħadd kien jaf fejn hu Ġużeppi tal-Pitrolju.


Kont nieqaf inkellmu, inqatta’ dawk il-ħames minuti ngħidlu fejn ser insiefer jew x’sejjer nagħmel. Kliemu dejjem kienu ta’ kuraġġ, u dejjem, bi tbissima, qalli kemm ser jitlob għalija u li skont hu, diġà kelli posti fejn il-Bambin. Minn fommu ‘l Alla... imma kemm fadalli x’naqdef Ġuż!


Meta beda jgerbeb iż-żmien, Ġużeppi ma setax jibqa’ joħroġ bil-kelb bħal qabel iżda hemm ħdejn il-bieb jistenna ‘l min jieqaf ikellmu (u ma kienx idum jistenna ħafna!), jisma’  l-mużika Naplitana u tal-ħamsinijiet li tant kienet għal qalbu.


Kien hemm xi ġirien li ma kellhomx xi grazzja miegħu wkoll... u dan għax ġew joqogħdu fit-triq u kienu jgergru li Ġużeppi kellu maħżen tal-pitrolju taħt l-art (li ilu hemm minn meta t-triq kienet għelieqi għajr id-dar tiegħu)... ma nafx jien... imma jekk tiġi toqgħod ħdejn Ġużeppi tal-Pitrolju, żgur mhux ħa ssiblu ħażna qamħ eh!


Fuq kollox, Ġużeppi xorta baqa’ kuntent. Xejn ma fixklu. Rabba familja bis-sempliċità kollha li wieħed jista’ jimmaġġina, anke jekk aktarx kien jiflaħ mhux ħażin wara karriera ta’ negozjant. Rabbiha ma’ martu Marija, li tant kien iħobb... u bi tbissima, għalkemm qatt ma talab li jħalli din id-dinja, kien lest għal dak il-mument ukoll, kuntent li ladarba jagħlaq għajnejh għal dejjem, ser jiltaqa’ ma’ Marija xi mkien, f’post imbiegħed minn did-dinja.  Ibnu kompla fil-passi tiegħu, ibiegħ il-pitrolju, fi trakk iktar modern u kbir, li jgħaddi bi żbrixx fil-garaxx... differenti mill-bagħal u t-tank li beda jdur bih Ġużeppi fi tfulitu, u t-trakk ċelest li kien idur bih fi tfuliti.


Illum Ġużeppi ma għadux magħna... iżda l-garaxx li bidel f’dar sempliċi li kellha kċina, sodda, televixin, u l-isterjo għall-kant Naplitan... ngħaddi minn quddiemu kuljum u bħali jagħmlu l-ħafna nies oħra li jiftakruh. Ġużeppi ma għadux magħna, iżda ħajtu mliet il-ħajja ta’ ħafna nies, ta’ kull età b’aktar minn tbissima waħda. Ġużeppi ma għadux magħna, iżda qiegħed fejn qiegħed, qiegħed jitlob għal kull min waqaf ikellmu, ħdejn martu Marija.