Friday, July 22, 2011

Il-Kredu Tiegħi

Jiena nemmen f’Alla wieħed il-Missier li jista’ kollox,
Li hawn min isejjaħlu Allah, min Buddha, u min Brahman,
Min jarah fix-xemx u l-pjanti, u min fil-proxxmu,
Li ħalaq is-sema u l-art,
Dak kollu li jidher, u dak li ma jidhirx.

Nemmen fl-Ispirtu s-Santu, li bih il-Mulej jagħti l-ħajja...
Imnissel mill-Missier għalina l-Bnedmin u  għall-fidwa tagħna
Li ma ħalaqx fruntieri u lanqas il-ġuħ u l-inġustizzji,
U li lanqas ma jqabbad in-nies jiġġieldu mal-ġirien, jew jiddikjaraw gwerer.

Nemmen ukoll fil-Knisja li bena l-Mulej innifsu bi prinċipji ideali għal ħajja perfetta
Iżda li madankollu hija mmexxija minn bnedmin li jistgħu jiżbaljaw ukoll.

Nemmen f’Alla li silifna d-dinja sabiħa li ħalaq biex nieħdu ħsiebha
Ma nmarduhiex, u ma nħammġuhiex, u lanqas ma nniġġsuha.

Nemmen f’Alla li mhux qiegħed bil-qiegħda fuq tron bix-xettru,
Iżda li qiegħed fostna, jafna lkoll, u li għalih ma hemmx kuluri tal-ġilda,
U ma jiġġudikax...
... la jekk int Nazzjonalist, Laburist, 
la jekk int poġġut, pufta jew liżbjana, sakranazz jew iddrugat
u lanqas jekk isseparajt u għada pitgħada ddivorzjajt.

Iżda nemmen f’Alla li jurik il-bieb tal-Ġenna jekk inti kont bniedem tajjeb
... li tħobb u li ma tobgħodx
... li ma tgħirx u li int pożittiv u tara t-tajjeb f’kulħadd
... li ma tarax kif tagħmel biex toqtol lil ħaddieħor biex titla’ fuq pedestall inti
... li tgawdi ħajtek b’mod onest, mingħajr ma tagħmel ħsara lil ħadd
... li bl-umiltà kollha taċċetta li tabilħaqq mhux bil-fors dejjem tiġik tajba, u kultant iva, ser jiġu mumenti diffiċli... imma li bl-għajnuna t’Alla stess... ma hemm l-ebda ħajt li ma tistax taqbeż.

Sunday, June 12, 2011

Kummidjanti u l-Kuxjenza

Sar jaqbadni d-daħk naqra u nara l-aħbarijiet tagħna lkoll Maltin u Għawdxin. F’daqqa waħda sar għandna dik li bl-Ingliż isejħulha buzzword... speċjalment fil-kamp politiku u dak ekklesjastiku... il-kelma Kuxjenza.Kuxjenza... xi tkun din? Nistħajjilni qed nara xi kartuwns tal-qattus Tom u l-ġurdien Jerry... fejn ma’ ġenb widnejhom jitilgħu minn sħaba figura iċken tagħhom liebsa ta’ xitan u oħra fuq in-naħa l-ohra liebsa ta’ anġlu. “Ministru... tista’ tgħidilna kif ħa tivvota?” “Skont il-kuxjenza ser nivvota le jiena!” “Dottor... inti?” “Jiena l-kuxjenza tgħidli nivvota skont ir-rieda tal-poplu”. Issa daħlet il-kuxjenza wkoll fejn tidħol iż-żieda onorarja tal-Parlamentari... anke ta’ dawk li jmorru għas-seduti għal xi 20% tad-drabi li jiltaqa’ l-Parlament. Dak att li jsir skont il-kuxjenza. Li tkun konxju ta’ għemil ifisser li tkun taf x’inti tagħmel... għax qiegħed fis-sensik. Li jkollok kuxjenza safja... tfisser li li inti konxju ta’ dak li għamilt u ma tħoss l-ebda dispjaċir minħabba xi għemil jew kliem żejjed.

Għalkemm in-nar tagħha għadda... qabel ir-referendum kien hemm min qalilna li rridu lkoll nivvutaw skont il-kuxjenza... basta lkoll nivvutaw “Le” għax jekk il-kuxjenza tgħidilna li rridu ngħidu “Iva” ... allura lanqas nstgħu nitqarbnu aħseb u ara kemm għandna post fuq il-lemin tal-Missier! Imma ejja ma nidħlux f’dik illum... għax ir-referendum għadda issa. [Imma sadanittant qed nimmaġina lil San Pietru fil-bieb tal-Ġenna bil-karti tal-vot tagħna lkoll ħa jara x’ivvutajna... imn’Alla ma ktibtx ismi fuqu, forsi ma jindunax!!]

Lura għall-kuxjenza... kont nistenna li per eżempju ħalliel tmissu l-kuxjenza u hu u dieħel jisraq jieqaf u jdur lura u jmur ifittex xogħol. Nistenna li per eżempju li minflok ingergru kontra l-immigranti rregolari tmissna ftit il-kuxjenza u naraw kif nistgħu ngħinuhom jintegraw jew jemigraw. Nistenna li missier hu u jsawwat lill-uliedu tmissu l-kuxjenza u minflok iġibhom żibel, iwiddibom bil-kelma t-tajba.

Imma li membri Parlamentari... eletti f’isem il-poplu... dawn għalfejn f’daqqa waħda qed jitkellmu lkoll dwar il-kuxjenza? Skoprew li għandhom waħda? Saru jafu li teżisti jew li jistgħu jużawha fil-Parlament? Għax filli kulħadd ibaxxi rasu għalli jgħid il-Leader... u f’daqqa waħda... kulħadd jitkellem fuq il-kuxjenza... waqt li fl-istess ħin, dawk l-istess nies li ppriedkaw li kulħadd għandu jingħata vot ħieles fil-Parlament... spiċċaw jitfgħu pressjoni biex ma jivvutawx skont il-kuxjenza. Il-kuxjenza... ta’ x’arma politika wieħed irid juża imma!


Tolqotni ‘statwa’ li tinsab taħt gallarija fil-bini tal-Parlament... statwa ta’ kummidjant iżomm il-gallarija. Min għamilha żgur ma kienx jaf li dak il-proprju bini ser jilqa’ 65 minnhom... il-kanna hi li l-buffu ta’ taħt il-gallarija ma jiftaħx ħalqu... u dawk ta’ ġol-bini jiftħuh iżżejjed!

Tuesday, May 24, 2011

Ejja nagħmlu Logħba Darts!

Nistħajjilni f’xi każin. Filli qed nieħdu flixkun birra… jaqbeż proxxmu jgħid “Nagħmlu logħba darts?” Min ikun tefa’ l-proposta, aktarx jixgħel il-makna, ttella’ salt bozoz ħomor u kuluri, u l-oħrajn erħilhom jimmiraw sakemm qed tixgħel b’xi vleġġa tal-plastik b’ponta ma tniggiżx… u meta tibda l-logħba erħilhom jikkonċentraw u jippruvaw iġibu tliet għoxrinijiet jew jolqtu l-Bull’s Eye.

Issa mmaġinaw dal-każin jismu Malta… u aħna ċ-ċittadini qed nilagħbu dil-logħba. Dak li xegħel il-makna u li allura aktar għandu ċerta kunfidenza fil-logħba, u li nistgħu nsejħulu, il-perċimeż, huwa dak li jixħet tema għad-diskussjoni, biex jinħoloq djalogu nazzjonali... basta tgħaddi tiegħu.

Malta hija dal-każin... li fih nitfgħu tema u erħilna nisparaw id-darts bl-addoċċ... nisparaw il-kazzati u xi kultant nolqtu l-għoxrin u nitfgħu argument validu. Huwa każin li fih f’daqqa waħda kulħadd jagħmel dak il-wiċċ li ta’ parsi jifhem, iħossu espert, waqt li jimmira... u mbagħad fejn jiġi jolqot.

Ejja nibdew insemmu... bħala eżempju... nieħdu xejn ħlief, it-tema taħraq tal-mument... id-divorzju. Filli qatt ħadd ma tkellem fuqu... imbagħad f’inqas minn sena ta’ parsi ħloqna djalogu nazzjonali, u xpa-paħ... “Faqqgħalu referendum Żiż!”

Dad-djalogu nazzjonali beda b’hekk imsejjaħ Private Member’s Bill fil-Parlament imressaq minn Evarist Bartolo u Jeffrey Pullicino Orlando. Wieħed bniedem tal-affari tiegħu, għalliem u ġurnalist, kuntent miżżewweġ u l-ieħor dentist, separat u poġġut (għax issa nistgħu nużaw kliem hekk!). Wieħed qatt ma beka quddiem il-pubbliku... u l-ieħor kien l-uniku kandidat elettorali, probabbli fid-dinja, li nfaqa’ jibki għax akkużawh b’qerq u x’naf jien f’art fil-Mistra. Mesaħ id-dmugħ u bħala wieħed mill-argumenti favur l-introduzzjoni tad-divorzju... ta’ bniedem demokratiku li hu saħaq li jekk jirbaħ il-vot tal-“Le”, jitla’ l-Ingilterra, japplika għar- residenza Ngliża għax bintu tgħix hemm, isir resident Ingliż fi żmien sitt xhur u mill-Internet japplika għad-divorzju u jġibu f’ħakka t’għajn u saħansitra jiġi rikonoxxut Malta. Sewwa. Prosit.

Bis-saħħa tal-kamp tal-Iva wkoll, irridu ngħidu, li kliem u frażijiet bħal ‘Poġġuti’, ‘Tfal bgħula’ u x’naf jien ma għadux tabù... u saħansitra xħitna t-tikketta fuq il-billboards issa wkoll. U min jaf kieku għadna s-sekondarja kemm konna ngħajruh “bagħal” lil dak il-povru li ġa għadda minn maltemp sħiħ fil-familja u jgħix ma’ missieru u l-ħabiba.

Fuq in-naħa l-oħra għandna l-kamp tal-LE... b’argumenti mixħuta fuq billboards madwar Malta u Għawdex. Kamp tal-Le mhux magħmul biss minn erba’ min-nies jiġġieldu kontra d-divorzju... iżda magħmul ukoll mill-istituzzjoni tal-Knisja f’Malta li bħal donnha... permezz ta’ xi individwi aktar minn oħrajn... ħarġet qatta bla ħabel kontra dal-mingħul ta’ divorzju. Iktar ma’ wieħed imur quddies, aktarx iktar jitħawwad. Min jgħidlek imxi mal-kuxjenza... min jgħidlek oħroġ ivvota għax huwa dmir... u fl-istess nifs... issib min jgħidlek “Kristu Iva, Divorzju Le” waqt li xi saċerdoti xejn-sew u l-Isqof t’Għawdex jippriedkaw li ma tistax titqarben jekk tivvota iva. Dan tal-aħħar saħansitra għajjar ‘ilpup libsin ta’ ngħaġ’ lil xi individwi li skont hu jgħidu li huma nsara u jikkampanjaw favur id-divorzju.

Dak li jgħaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem... imma allura... fl-injuranza tiegħi ma’ ġenb dawn l-esperti kollha... min jagħżel li jiżżewweġ bil-Knisja... jaf li dieħel għal xi ħaġa dejjiema u li ma tispiċċax le? U ta’ Nisrani allura jaf li ma għandux jirrikorri għad-divorzju. Allura, jekk waqt il-preparamenti għas-sala tat-tieġ, l-ikel u x-xorb u lista’ ta’ mistiedna, jiġik dubju li tgħid isma’, imma jien jekk ikolli problemi ma’ marti ‘l quddiem, lest nirrikorri għad-divorzju? Jekk ir-risposta ser tkun iva... allura għalfejn ħa tiżżewweġ bil-Knisja? In-naħa tal-Knisja fl-istorja kollha, hija ħasra. Ħasra għaliex il-Knisja diġà tipprepara ħafna koppji u tippreparahom sewwa għaż-żwieġ Nisrani u għalhekk naħseb li l-Knisja kellha tieħu pożizzjoni li mhux tikkampanja kontra d-divorzju imma tgħallem lill-Insara Maltin li, tista’ tivvota u taħseb li trid, pero jekk inti taħseb li d-divorzju jista’ jkun għażla għall-problemi tiegħek fiż-żwieġ, ħu paċenzja tiżżewwiġx bil-Knisja.

U ejja ma ngħidux x’qed jgħidu l-partiti u l-mexxejja politiċi tagħna waqt li jkunu taħt xi tinda l-Ħadd. Filwaqt li partit ħa pożizzjoni kontra d-divorzju... l-ieħor qal li ħa jħalli lil kulħadd jivvota kif irid, imma sadanittant jippriedka favur id-divorzju... viva l-opportuniżmu!

Hija ħasra tafux... ħasra li din il-kwistjoni ma saritx dibattitu iżda kruċjata bejn l-Iva u l-Le... saret logħba darts oħra li fiha kulħadd jispara l-vleġeġ bla ma jipprovdi l-informazzjoni li wieħed għandu bżonn biex sew bil-kuxjenza, bil-moħħ, bil-qalb jew bil-bżonn jivvota Iva jew Le. Kulħadd erħilu jitfa’ l-wiċċ tal-espert... u dakinhar tar-referendum, mingħajr qatt ma jkun qara’ l-mistoqsija la qabel u lanqas waqt li qed jivvota... jixħet il-vot skont ma’ qalulu.

Naħseb u nistaqsi... meta ħa jkollna proċess demokratiku elettorali ta’ vera u fejn is-soċjetà tiddibatti b’mod f’saħħtu? Meta ser nibdew niddiskutu u mhux qisna qegħdin il-Qorti nargumentaw biex nirbħu xi kawża? Meta ser nieqfu nippolitiċċizzaw kull tema mill-art ‘il fuq (għax anke s-sema daqt nippolitiċizzaw!), nilagħbu ċess bl-imħuħ tan-nies u darts bl-argumenti? Meta ser nimmaturaw, u nħallu l-poplu jaħseb ftit waħdu u mhux jaħseb b’moħħ il-politiċi?"

Għandi kurżità... x’ser tkun it-tema li jmiss?


Saturday, April 9, 2011

Dal-mingħul ta' Divorzju!

Ijwa ħoj... fost it-tifrik fil-Libja u t-theżżiż fil-Ġappun u l-Burma... aħna... fiċ-ċentru tal-Mediterran... bħal donnu xi fenomenu naturali li ma kellnix għażla ħlief li naqbduh minn qrunu... qbadniha fuq id-divorzju. Min jgħid “iva”, min “le”, min “insomma”, min “ma nafx”, u min jaħseb li d-divorzju ħa jkisser aktar familji... u min jaħseb li ħa jsaħħaħhom għax ikollu ċans jibni familji ġodda. Min saħansitra qed jgħid... b’naqra ta’ loġika li taħdem bir-reverse... li li tkun favur id-divorzju tkun favur iż-żwieġ... hmmm ...


Insomma... dad-divorzju jekk xejn diġà għaqqad membri tal-Gvern ma’ tal-oppożizzjoni u f’daqqa waħda bdejna nisimgħu bil-frażi “free vote”... wow!... anzi... WOW!... fejn qatt kienet f’dal-pajjiż?!


Nista’ ngħid li naqbel mad-divorzju għax nifhem il-weġgħat ta’ min iż-żwieġ... kuntrarju għall-ħolma ta’ ħajja miżżewġa li kellu u ġiet iffirmata fuq l-artal... sfaxxalu... marritlu żmerċ... tellgħatlu l-qrun jew tellagħhom lil ħaddieħor... u fuq kollox... jixtieq jibda ħajja oħra fi żwieġ ma’ xi ħadd li rabat ħajtu xorta waħda għall-numru ta’ snin miegħu/ha, waqt li baqa’ ttimbrat bħala sseparat u li ma jistax jiżżewweġ... qisu barra minn fuqna ħakmitu xi marda u ma jistax imiss bniedem/ma oħra!
Ma naqbilx ma’ divorzju stil Las Vegas... naqbel ma’ divorzju meqjus u li fih ċertu ħsieb... fejn ċertu mument ta’ prova sar u ma fadalx xi jsir... fejn fuq kollox... it-tfal ibatu mill-inqas possibbli.


Naqbel ħafna u ħafna aktar ma’ żwieġ bi preparamenti ta’ vera... mhux x’sala ta’ tieġ ser ikollhom l-għarajjes... lil min ħa jistiednu... u l-ikel ta’ min ħa jkun... imma żwieġ bejn koppja li jafu jafdaw lil xulxin, ma jibżgħux jitkellmu u jisimgħu lil xulxin... koppja li jafu jgħixu flimkien, x’riħa għandha l-fwieħa u anke l-intiena ta’ xulxin... u taċċetta lil xulxin b’mod onest fir-riżq u fis-saħħa, fid-deni u mard. Jekk ikun hemm bżonn jgħixu flimkien qabel jorbtu l-kuntratt... mhux bħala żmien ta’ prova imma preparament, għala le?


Id-divorzju fl-aħħar mill-aħħar huwa firda... li ma nistax naqbel miegħu fl-essenza tiegħu... pero wieħed irid jara l-kuntest kollu... jahder lil min ġenwinament jixtieq jimxi ‘l quddiem b’ħajtu u għal ftit... jekk mhux għalih, jaħseb b’altruiżmu f’ħaddieħor u jitlob ‘l Alla li hu u martu qatt ma jiġu bżonnu.