Tuesday, May 24, 2011

Ejja nagħmlu Logħba Darts!

Nistħajjilni f’xi każin. Filli qed nieħdu flixkun birra… jaqbeż proxxmu jgħid “Nagħmlu logħba darts?” Min ikun tefa’ l-proposta, aktarx jixgħel il-makna, ttella’ salt bozoz ħomor u kuluri, u l-oħrajn erħilhom jimmiraw sakemm qed tixgħel b’xi vleġġa tal-plastik b’ponta ma tniggiżx… u meta tibda l-logħba erħilhom jikkonċentraw u jippruvaw iġibu tliet għoxrinijiet jew jolqtu l-Bull’s Eye.

Issa mmaġinaw dal-każin jismu Malta… u aħna ċ-ċittadini qed nilagħbu dil-logħba. Dak li xegħel il-makna u li allura aktar għandu ċerta kunfidenza fil-logħba, u li nistgħu nsejħulu, il-perċimeż, huwa dak li jixħet tema għad-diskussjoni, biex jinħoloq djalogu nazzjonali... basta tgħaddi tiegħu.

Malta hija dal-każin... li fih nitfgħu tema u erħilna nisparaw id-darts bl-addoċċ... nisparaw il-kazzati u xi kultant nolqtu l-għoxrin u nitfgħu argument validu. Huwa każin li fih f’daqqa waħda kulħadd jagħmel dak il-wiċċ li ta’ parsi jifhem, iħossu espert, waqt li jimmira... u mbagħad fejn jiġi jolqot.

Ejja nibdew insemmu... bħala eżempju... nieħdu xejn ħlief, it-tema taħraq tal-mument... id-divorzju. Filli qatt ħadd ma tkellem fuqu... imbagħad f’inqas minn sena ta’ parsi ħloqna djalogu nazzjonali, u xpa-paħ... “Faqqgħalu referendum Żiż!”

Dad-djalogu nazzjonali beda b’hekk imsejjaħ Private Member’s Bill fil-Parlament imressaq minn Evarist Bartolo u Jeffrey Pullicino Orlando. Wieħed bniedem tal-affari tiegħu, għalliem u ġurnalist, kuntent miżżewweġ u l-ieħor dentist, separat u poġġut (għax issa nistgħu nużaw kliem hekk!). Wieħed qatt ma beka quddiem il-pubbliku... u l-ieħor kien l-uniku kandidat elettorali, probabbli fid-dinja, li nfaqa’ jibki għax akkużawh b’qerq u x’naf jien f’art fil-Mistra. Mesaħ id-dmugħ u bħala wieħed mill-argumenti favur l-introduzzjoni tad-divorzju... ta’ bniedem demokratiku li hu saħaq li jekk jirbaħ il-vot tal-“Le”, jitla’ l-Ingilterra, japplika għar- residenza Ngliża għax bintu tgħix hemm, isir resident Ingliż fi żmien sitt xhur u mill-Internet japplika għad-divorzju u jġibu f’ħakka t’għajn u saħansitra jiġi rikonoxxut Malta. Sewwa. Prosit.

Bis-saħħa tal-kamp tal-Iva wkoll, irridu ngħidu, li kliem u frażijiet bħal ‘Poġġuti’, ‘Tfal bgħula’ u x’naf jien ma għadux tabù... u saħansitra xħitna t-tikketta fuq il-billboards issa wkoll. U min jaf kieku għadna s-sekondarja kemm konna ngħajruh “bagħal” lil dak il-povru li ġa għadda minn maltemp sħiħ fil-familja u jgħix ma’ missieru u l-ħabiba.

Fuq in-naħa l-oħra għandna l-kamp tal-LE... b’argumenti mixħuta fuq billboards madwar Malta u Għawdex. Kamp tal-Le mhux magħmul biss minn erba’ min-nies jiġġieldu kontra d-divorzju... iżda magħmul ukoll mill-istituzzjoni tal-Knisja f’Malta li bħal donnha... permezz ta’ xi individwi aktar minn oħrajn... ħarġet qatta bla ħabel kontra dal-mingħul ta’ divorzju. Iktar ma’ wieħed imur quddies, aktarx iktar jitħawwad. Min jgħidlek imxi mal-kuxjenza... min jgħidlek oħroġ ivvota għax huwa dmir... u fl-istess nifs... issib min jgħidlek “Kristu Iva, Divorzju Le” waqt li xi saċerdoti xejn-sew u l-Isqof t’Għawdex jippriedkaw li ma tistax titqarben jekk tivvota iva. Dan tal-aħħar saħansitra għajjar ‘ilpup libsin ta’ ngħaġ’ lil xi individwi li skont hu jgħidu li huma nsara u jikkampanjaw favur id-divorzju.

Dak li jgħaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem... imma allura... fl-injuranza tiegħi ma’ ġenb dawn l-esperti kollha... min jagħżel li jiżżewweġ bil-Knisja... jaf li dieħel għal xi ħaġa dejjiema u li ma tispiċċax le? U ta’ Nisrani allura jaf li ma għandux jirrikorri għad-divorzju. Allura, jekk waqt il-preparamenti għas-sala tat-tieġ, l-ikel u x-xorb u lista’ ta’ mistiedna, jiġik dubju li tgħid isma’, imma jien jekk ikolli problemi ma’ marti ‘l quddiem, lest nirrikorri għad-divorzju? Jekk ir-risposta ser tkun iva... allura għalfejn ħa tiżżewweġ bil-Knisja? In-naħa tal-Knisja fl-istorja kollha, hija ħasra. Ħasra għaliex il-Knisja diġà tipprepara ħafna koppji u tippreparahom sewwa għaż-żwieġ Nisrani u għalhekk naħseb li l-Knisja kellha tieħu pożizzjoni li mhux tikkampanja kontra d-divorzju imma tgħallem lill-Insara Maltin li, tista’ tivvota u taħseb li trid, pero jekk inti taħseb li d-divorzju jista’ jkun għażla għall-problemi tiegħek fiż-żwieġ, ħu paċenzja tiżżewwiġx bil-Knisja.

U ejja ma ngħidux x’qed jgħidu l-partiti u l-mexxejja politiċi tagħna waqt li jkunu taħt xi tinda l-Ħadd. Filwaqt li partit ħa pożizzjoni kontra d-divorzju... l-ieħor qal li ħa jħalli lil kulħadd jivvota kif irid, imma sadanittant jippriedka favur id-divorzju... viva l-opportuniżmu!

Hija ħasra tafux... ħasra li din il-kwistjoni ma saritx dibattitu iżda kruċjata bejn l-Iva u l-Le... saret logħba darts oħra li fiha kulħadd jispara l-vleġeġ bla ma jipprovdi l-informazzjoni li wieħed għandu bżonn biex sew bil-kuxjenza, bil-moħħ, bil-qalb jew bil-bżonn jivvota Iva jew Le. Kulħadd erħilu jitfa’ l-wiċċ tal-espert... u dakinhar tar-referendum, mingħajr qatt ma jkun qara’ l-mistoqsija la qabel u lanqas waqt li qed jivvota... jixħet il-vot skont ma’ qalulu.

Naħseb u nistaqsi... meta ħa jkollna proċess demokratiku elettorali ta’ vera u fejn is-soċjetà tiddibatti b’mod f’saħħtu? Meta ser nibdew niddiskutu u mhux qisna qegħdin il-Qorti nargumentaw biex nirbħu xi kawża? Meta ser nieqfu nippolitiċċizzaw kull tema mill-art ‘il fuq (għax anke s-sema daqt nippolitiċizzaw!), nilagħbu ċess bl-imħuħ tan-nies u darts bl-argumenti? Meta ser nimmaturaw, u nħallu l-poplu jaħseb ftit waħdu u mhux jaħseb b’moħħ il-politiċi?"

Għandi kurżità... x’ser tkun it-tema li jmiss?