Jien u għaddej fil-mixja interessanti tal-ħajja... jien u naħseb u niskanta bid-dinja ta’ madwari... ħsibt li naqsam dawn il-ħsibijiet umli u skantamanti miegħek li jinteressak taqra... miegħek li ma għandekx x'tagħmel u trid timla' l-ħin... miegħek li l-imgħallem minghalih qed taħdem… u int tkun qed tħuf fid-dinja ta' l-internet... [kitbiet u opinjonijiet espressi f'dan il-blogg ma jirriflettu bl-ebda mod l-opinjoni/twemmin ta' gruppi li tagħhom jien membru]
Sunday, June 24, 2012
Ta’ li aħna!
…dejjem hekk irrispondietni… u wara żżidli… b’leħen artab imma konvint… “bħax-xjuħ hux” u titbissem tbissima ġenwina li kuntenta li qed tgħix, tarana lkoll madwarha, ulied, nisa u rġiel tagħhom, neputijiet u pro-neputijiet. Kienet tirrakkontali kif, issa li ma tantx għadha tista’ toħroġ... toqgħod tittawwal mill-gallarija tal-flett tagħha fi Triq San Kristofru l-Belt, fuq it-taraġ tal-iskola tal-Pilar. Għallinqas minn hemmhekk tista’ tara ftit il-baħar kaħlani ta’ Marsamxett “u ġieli jieqfu xi stranġieri u jistaqsuni jistgħux joħduli ritratt ukoll.” Xi ħaġa li ma kinitx tirrifjuta, waqt li tgħidilhom “I don’t speak English.” U dan mhux għax ma tafx imma għax maż-żmien nesietu... u kienet tirrabja magħha nfisha dwar dan.
Kienet tifla waħedha, wara li ommha korriet għal darba, tnejn, tlieta. Twieldet u trabbiet l-Arċipierku l-Belt Valletta, “U fejn konna noqogħdu aħna kienu joħorġu s-suldati Ngliżi biż-żwiemel, kont narahom ħerġin u kieku taf xi ġmiel” kienet tgħidli. Dan fost rakkonti oħra ta’ żmien il-gwerra u l-mawriet ta’ refuġju lejn l-Imġarr, u oħrajn li jqanqlulek tbissima inevitabbli… speċjalment meta kienet tibda tirrakkonta “min jaf kemm żerżaqli birra l-papà meta ta’ xi għaxar snin kont immur miegħu ix-xogħol”. Qatt ma kienet xurbana, imma l-qatra ma kinitx iddejjaqha. Ta’ 92 sena, grokk wiski… kienet taqbdu b’idejha t-tnejn … u tniżżlu bħall-ilma f’inqas minn kemm ili ngħid. Konna nistaqsuha kif iltaqgħet ma’ żewġha Toni… u ma kinux jonqsu stejjer tax-xaperon, u speċjalment minħabba li Toni kien xi 17-il sena ikbar minnha, u hi kien għad kellha dawk l-14.
Iktar mill-qatra imma kienet tħobb il-ħruġ. Ma tagħmilx differenza fejn… basta toħroġ. Kultant naħseb li l-idjomi ‘tibża’ li jaqa’ s-saqaf fuq rasha’ u ‘timmoffa jekk toqgħod ġewwa’ inħolqu għaliha. Għadni niftakar li l-aħħar safra tagħha kienet f’Lourdes… b’żewġt ibsaten. Meta bdiet issir iktar diffiċli biex titħarrek, armat Zimmer frame sabiex timxi aħjar iżda dan kien ifisser li kienet saret iktar diffiċli biex toħroġ ukoll iżda sal-aħħar ġimgħat baqgħet b’ħafna għajnuna tinżel is-sular taraġ ta’ fejn kienet tgħix tiġi taksi għaliha u flimkien maz-zija terħilha dawra. Jekk mhux hekk, is-servizz tal-karozzi li jaħdmu bl-elettriku fil-Belt Valletta kien iwassalha l-quddies ukoll.
Qatt ma rrifjutat tagħmel karità. Sew jekk kont sejjer il-Ghana jew il-Kenja nagħmel volontarjat, u sew jekk il-ġirien tagħha kienu refuġjati mill-Iraq ta’ Saddam Hussein. Dejjem tat l-għajnuna, temgħet in-nies u qatt ma naf li qalet le. Fejn ma kinitx tista’ fiżikament jew finanzjarjament, kienet toffri t-talb tagħha.
Il-ħin liberu tagħha, meta kienet tkun id-dar u sakemm setgħet kienet tqattgħu taħdem il-ganċ. Iżda meta l-artrite tefgħatha lura dejjem sabet x’tagħmel. Sew jekk taqra… inkella titlob. It-talb qatt ma kien jispiċċa ħiereġ minn fommha. Hi u dieħla lejn is-sodda “Inħares lejn ir-ritratti tagħkom u ngħid talba għalikom waqt li ngħidilkom goodnight”. Dawn l-aħħar tliet snin dejjem qaltli kemm hi kuntenta li t-tfajla tiegħi u l-familja tagħha “Qishom aħna! Ferrieħa u nies sew. Dejjem kont nitlob il-Bambin sabiex tkunu kuntenti u j’Alla ssibu l-kuntentizza f’xulxin u flimkien.”
Bħal-lum tliet ġimgħat ilu tatha puplesija qawwija u minnha ma reġgħetx ġiet f’tagħha. Kont ħdejha waħdi mat-tfajla waqt li s-saċerdot kien qed jagħmillha l-Griżma. Kien mument speċjali għalkemm ta’ dieqa kbira. Kienet mara li tħobb il-ħajja, u għal tliet ġimgħat sħaħ jidher li ppruvat sew tibqa’ tgħix. Fis-sodda l-isptar, ippruvat titkellem, għalkemm kien sar diffiċli tifhimha. Lil ziju li spiss konna ninkuh għax iħobb jieħu dik in-nagħsa waranofsinhar staqsietu “Waqajt mis-sodda?!”. It-tgedwid tagħha kien ikun talb – kultant konna nisimgħu xi isem – it-talb fuq nies oħra ma kienx waqaf. Ismi kien faċli tgħidu, u meta kont ngħidilha min jien, kienet tirrepeti ismi. Darba staqsietni “Il-mamà orrajt?” Kont nistaqsiha jekk hix għajjiena, u kienet tagħti b’rasha tgħidli iva. Qatt ma naf jew smajtha tgħid il-kelma “Għajjejt”. Iżda iva, kienet għajjiet... u ħallietna fil-lejl tat-23 ta’ Ġunju, fil-paċi waqt li kienet mistrieħa... fl-età ta’ 92 sena... kuntenta li gawdietna... kuntenti li gawdeniha.
Illum in-Nanna Rose, jiena ċert li qiegħda ħdejn il-Missier u ħdejn Ommna Marija li tant kienet devota tagħha. Illum in-Nanna Rose, qiegħda ħdejn in-Nannu Tonin, u aktarx tgħid xi kelma wkoll man-Nanna Ġanna, in-nanna l-oħra tagħna li tant konna u għadna nħobbu. Illum in-Nanna Rose qed tħarisna minn xi mkien ieħor ‘il fuq minna lkoll, titlob għalina lkoll u tara li aħna lkoll kuntenti kif dejjem għamlet fi żmienha hawn fuq l-art.
Grazzi Nanna Rose, inħobbuk konna, għadna u nibqgħu!
Subscribe to:
Posts (Atom)