Monday, October 8, 2012

Żrara f’Żarbun Komdu

M’hemmx aħjar milli tgħix komdu... sufan, friġġ, forn, arja kkondizzjonata, lki, xawer, sodda, komodina, televixin, kompjuter, internet mejda tal-kċina... kollha affarijiet li jagħmlulna l-ħajja komda b’livelli differenti... skont kemm tonfoq u kemm tiflaħ tonfoq, fi spazju ta’ dar b’saqaf.

Il-kumdità inkejluha għax nafu xi jfisser in-nuqqas tagħha jew, fil-biċċa l-kbira, permezz tal-kumdità tat-televixin, rajna min hu inqas komdu minna, aktarx xi ħadd li m’għandux televixin.

Nafu xi tfisser kumdità tant li xi drabi nkunu tant mhedijin fiha li l-affarijiet li jdejquna ninjorawhom bil-frażi perikoluża, “U ija, l-aqwa li komdu.” Ninjorawhom bħal dik iż-żrara f’żarbun komdu li nibqgħu mixjin fih sakemm nagħtu tnejn bis-sieq biex iż-żrara tersaq u nkomplu mixjin biha. Nibqgħu mixjin biż-żrara għax iż-żarbun komdu... u ma nneħħihx għal ftit sekondi biex inneħħuha.

Ilkoll ninqabdu f’sitwazzjonijiet komdi f’ħajjitna... sitwazzjonijiet li għalkemm ikun fihom dik iż-żrara, ġieli nħalluhom tant li ż-żrara ssir selħa. Ninqabdu f’sitwazzjonijiet fejn ma nibdewx naraw opportunitajiet oħra jew nibżgħu noħduhom... għax ġo daż-żarbun ninsab komdu... avolja tqatta’. Nibżgħu għax ma nafux xi kwalità ser ikun iż-żarbun il-ġdid jew kemm ħa jwassalna bogħod.

Li tibdel żarbun komdu bla żrar u tqattiegħ huwa kapriċċ, aktarx bla bżonn. Però kemm lest tinża’ ż-żarbun għal ftit biex tneħħi ż-żrara? Kemm lest tibdlu meta jitqattgħalek?

Jew ġa tqatta’?