...eh, allura?
Ħafna bħalissa qed jiddibattu l-kwistjoni tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. Ngħiduha kif inhi... il-Gvern ma kellux mandat elettorali għal din il-liġi, aktarx għax kien jaf li mhux ħa tkun popolari. Imma lill-hinn minn dak l-argument wieħed tajjeb li jistaqsi xi tfisser li int Malti? X'jagħmilni Malti u mhux Franċiż? X'jagħmilni Ewropew u mhux Għarbi?
Mela ejja nibdew bl-ovvju... l-ilsien Malti b'għerq Semitiku u mħallat m'ilsna oħra komplut bid-djaletti huwa lsien uniku użat minn ftit aktar minn 400,000 ruħ fuq din il-gżira tagħna. Għandna l-bandiera Maltija, storja wiesa' aktar minn dik ta' pajjiżi ħafna akbar. Jekk xejn minn dan, jiena ngħid li jien Malti għax twilidt Malta.
Stajt twilidt l-Ingilterra, L-Awstralja, iċ-Ċina, l-Arġentina jew il-Kenja. Imma le. Twilidt Malta. Kuntent li jien Malti għax hua parti minn dak li jien. Kburi li jien Malti? Jiena kburi b'xi affarijiet f'ħajti li ħdimt għalihom... iggradwajt, rajt pajjiżi li ma kontx noħlom li nara. Imma nista' ngħid li jien kburi fuq xi ħaġa li ma ħdimtx għaliha? Nista' nkun kburi li għandi xagħri skur? Li jien it-tieni minn żewġ aħwa? Ma ħdimtx għall-fatt li jien hekk hux vera? Daqstant ieħor ma kelli xejn x'naqsam mal-fatt li jiena Malti. Hawn min sar Malti avolja twieled il-Ghana jew il-Kanada. Quddiem il-liġi huwa Malti daqsi. Aktarx xi ħadd mill-Kanada li sar Malti jipprova jitkellem bil-Malti aktar minn xi wħud li twieldu u għexu Malta għomorhom kollha... allura dawn inqas Maltin mill-Kanadiż?
Allura qed ngħid li ma jimpuratx jekk inbiegħu ċ-ċittadinanzi? Jekk nieħu perspettiva ta' negozjant (li m'inix) ngħidlek "U żgur li ma jimpurtax!". Iżda li ma nqiegħedx ċerti obbligi fuq min jixtriha għalija hija ekwivalenti għal jekk jiena għandi ħanut, intik iċ-ċwievet għax naf li inti kapaċi żżidli l-bejgħ... imma fil-verità inti qatt ma tersaq lejn il-ħanut għaliex issib li ċ-ċwievet jaqblu mas-serratura ta' ħanut ieħor, akbar, żewġ toroq bogħod. Ma nafx ħawwadtekx aktar bl-eżempju... però li jurtani l-fatt hu li qisna qed nagħtu aċċess għal pajjiżi oħra permezz ta' ċittadinanza Maltija u flok ikkompetejt, tajt ix-xogħol lill-kompetizzjoni.
Ejja ngħiduha kif inhi... jekk din hija sistema li ħadmet f'pajjiżi bħall-Portugall u l-Awstrija... dejjem la darba x-xiri taċ-ċittadinanza jkun marbut ma' kundizzjonijiet li jgħinu lill-ekonomija tal-pajjiż... għalfejn aħna qisna tfajna skont speċjali?
Bi prinċipju ma nistax ngħid li ma naqbilx mal-bejgħ taċ-ċittadinanza, iżda biss jekk dan ikun marbut ma' investiment fil-pajjiż li jista jieħu forom differenti - jew xiri ta' proprjetà u/jew ftuħ ta' kumpanija li timpjega numru ta' nies. Dan għaliex il-fatt li jien Malti għalija huwa pjuttost fatt ta' kumbinazzjoni.
Iva, mezzi tal-mijdja barranija waqqgħuna u speċjalment lill-Gvern għaż-żufjett... u aktarx bir-raġun. Imma kieku jħaddmu moħħhom... pajjiżi oħra jistgħu jużawna biex jattiraw l-investiment lejn pajjiżhom. Kif? Il-Gvern Spanjol jew Pollakk, mingħajr ma jgħaddi mill-proċess kontroversjali li jbiegħ iċ-ċittadinanzi ta' pajjiżu, iħajjar investitur kbir miċ-Ċina jew mill-Emirati jixtri ċ-ċittadinanza Maltija u jiftaħ in-negozju f'pajjiż minnhom... taħsbu li għadha m'għaddiet minn moħħ ħadd? Jien persważ li iva. Però ma jidhirx li din għaddiet minn moħħ il-Gvern, sakemm ma jridhix tkun miżura biex jgħin lill-proxxmu... min jaf?
Ara wkoll: George Carlin - Pride & Blessing
Jien u għaddej fil-mixja interessanti tal-ħajja... jien u naħseb u niskanta bid-dinja ta’ madwari... ħsibt li naqsam dawn il-ħsibijiet umli u skantamanti miegħek li jinteressak taqra... miegħek li ma għandekx x'tagħmel u trid timla' l-ħin... miegħek li l-imgħallem minghalih qed taħdem… u int tkun qed tħuf fid-dinja ta' l-internet... [kitbiet u opinjonijiet espressi f'dan il-blogg ma jirriflettu bl-ebda mod l-opinjoni/twemmin ta' gruppi li tagħhom jien membru]
Sunday, December 1, 2013
Tuesday, September 3, 2013
Immigranti konna...
...u immigranti nerġgħu nkunu!
Hekk smajt xi ħadd jgħidli ftit taż-żmien ilu. Kienet għadha taħraq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, bil-Prim Ministru Joseph Muscat, li qabel Marzu tgħidx kemm għajjat “Tagħna Lkoll” bħal donnu waħħal tabella oħra barra minn xtutna tgħid “Tagħna Biss”.Immigranti konna... u immigranti għad nerġgħu nkunu... ġgħelitni naħseb. Jekk inħarsu lkoll lejn missirijietna... missirijiethom... “min jaf minn fejn ġew” xi kultant ngħidu. Nies li minn art oħra, ġew jgħixu hawn, bdew familja li kibret u llum jekk tiftaħ direttorju ssib partita nies b’kunjom Għarbi, Taljan, Spanjol, Franċiż, Ingliż... apparti li lkoll ġew b’xi forma ta’ dagħjsa a taħsbu li dawn kollha ġew Malta b’mod legali? Hawn min jgħid li l-kunjom Muscat... biex nieħdu eżempju, għandu l-oriġini tiegħu f’Mousqette, fir-reġjun tan-Normandija fi Franza. U kieku xi ħadd qabbadhom dgħajsa lura lejn Franza malli waslu Malta? Min jaf Joseph innifsu kienx ikun hawn!
Għada pitgħada... uliedi u wliedhom... kapaċi jerħulha lejn pajjiż ieħor, jistudjaw, jaħdmu... jew jekk Alla ħares qatt tfaqqa’ xi gwerra, jiskarsa l-ilma, jew l-Ewropa tinħakem minn xi marda u fiha ma jifdalx ikel... l-eqreb kontinent għalihom biex jibdew ħajja oħra aktarx ikun l-Afrika. Bħalissa ninsab komdu wara l-kompjuter nittajpja kelmtejn... mitt sena oħra ma nkunx hawn u min jaf fejn ikun qed jerħilha l-poplu Malti sa dak iż-żmien.
Il-karnaġġjon tal-poplu Malti wkoll jixhed kemm hawn taħlit ta’ demm f’pajjiżna. Jien qisni siċċa u tgħidx kemm joffruli dawriet mal-Port il-Kbir bil-karozzin... u hawn min tant hu samrani li ma hemmx bouncer li ma jitolbux il-karta tal-identità (għax ‘ovvjament’ peress li samrani ħa jaqla’ l-inkwiet).
Nifhem li n-natura tal-bniedem hija waħda territorjali. Qed nikteb minn taħt is-saqaf tad-dar tiegħi li ngħalaq b’ċavetta kuljum biex ma jidħolx Ċikku l-poplu fiha. Imma nista’ nixtri dar fejn irrid... imma pajjiż? Min tana d-dritt li dawn l-erba’ xtajtiet li għandna nagħmluhom tagħna? U xi tfisser ‘tagħna’? Hawn min jgħid ħallasna b’demmna għal din l-art... imma jekk għandna demm imħallat minn kullimkien... jiġifieri allura Malta hija ta’ kull min ġie minn kullimkien? Xi tfisser li tkun ‘ġens’? Forsi tfisser li ikun pajjiż bil-Maltin biss? Imma nistaqsi... x’jagħmilni Malti? L-ilsien uniku? Il-kultura li hija wirt ta’ ħafna elementi kulturali oħra Mediterranji? L-ikel li nieklu? Il-valuri Kristjani? U ħamsin sena oħra, mitt sena oħra? X’ser ikun jagħmilna Maltin? X’ser jagħmel lill-uliedi Maltin? Xi dritt għandi ngħid lis-Sudaniż biex ma jiġix Malta (lanqas jistaqsi għar-refuġju) għax Malta hija tiegħi u int mhux Malti?M’għandix risposta għal kollox... u allura nistaqsi qabel inkeċċi lil xi ħadd. Nistaqsi qabel ngħajjar politikanti barranin għax naħseb li din problema ta’ Malta biss. Nistaqsi xi dritt għandi ngħid le lil xi ħadd biex jiġi pajjiżi meta d-dinja nħolqot mingħajr fruntieri, u r-riżorsi tagħha nħolqu għal kulħadd?
Ideali? Forsi. Impossibbli? Min jaf. Inti taf?
------------------
Ara wkoll: George Carlin on National Pride
Subscribe to:
Posts (Atom)