Tuesday, September 3, 2013

Immigranti konna...

...u immigranti nerġgħu nkunu!

Hekk smajt xi ħadd jgħidli ftit taż-żmien ilu. Kienet għadha taħraq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, bil-Prim Ministru Joseph Muscat, li qabel Marzu tgħidx kemm għajjat “Tagħna Lkoll” bħal donnu waħħal tabella oħra barra minn xtutna tgħid “Tagħna Biss”.
Immigranti konna... u immigranti għad nerġgħu nkunu... ġgħelitni naħseb. Jekk inħarsu lkoll lejn missirijietna... missirijiethom... “min jaf minn fejn ġew” xi kultant ngħidu. Nies li minn art oħra, ġew jgħixu hawn, bdew familja li kibret u llum jekk tiftaħ direttorju ssib partita nies b’kunjom Għarbi, Taljan, Spanjol, Franċiż, Ingliż... apparti li lkoll ġew b’xi forma ta’ dagħjsa  a taħsbu li dawn kollha ġew Malta b’mod legali? Hawn min jgħid li l-kunjom Muscat... biex nieħdu eżempju, għandu l-oriġini tiegħu f’Mousqette, fir-reġjun tan-Normandija fi Franza. U kieku xi ħadd qabbadhom dgħajsa lura lejn Franza malli waslu Malta? Min jaf Joseph innifsu kienx ikun hawn!

Għada pitgħada... uliedi u wliedhom... kapaċi jerħulha lejn pajjiż ieħor, jistudjaw, jaħdmu... jew jekk Alla ħares qatt tfaqqa’ xi gwerra, jiskarsa l-ilma, jew l-Ewropa tinħakem minn xi marda u fiha ma jifdalx ikel... l-eqreb kontinent għalihom biex jibdew ħajja oħra aktarx ikun l-Afrika. Bħalissa ninsab komdu wara l-kompjuter nittajpja kelmtejn... mitt sena oħra ma nkunx hawn u min jaf fejn ikun qed jerħilha l-poplu Malti sa dak iż-żmien.
Il-karnaġġjon tal-poplu Malti wkoll jixhed kemm hawn taħlit ta’ demm f’pajjiżna. Jien qisni siċċa u tgħidx kemm joffruli dawriet mal-Port il-Kbir bil-karozzin... u hawn min tant hu samrani li ma hemmx bouncer li ma jitolbux il-karta tal-identità (għax ‘ovvjament’ peress li samrani ħa jaqla’ l-inkwiet).
Nifhem li n-natura tal-bniedem hija waħda territorjali. Qed nikteb minn taħt is-saqaf tad-dar tiegħi li ngħalaq b’ċavetta kuljum biex ma jidħolx Ċikku l-poplu fiha. Imma nista’ nixtri dar fejn irrid... imma pajjiż? Min tana d-dritt li dawn l-erba’ xtajtiet li għandna nagħmluhom tagħna? U xi tfisser ‘tagħna’? Hawn min jgħid ħallasna b’demmna għal din l-art... imma jekk għandna demm imħallat minn kullimkien... jiġifieri allura Malta hija ta’ kull min ġie minn kullimkien? Xi tfisser li tkun ‘ġens’? Forsi tfisser li ikun pajjiż bil-Maltin biss? Imma nistaqsi... x’jagħmilni Malti? L-ilsien uniku? Il-kultura li hija wirt ta’ ħafna elementi kulturali oħra Mediterranji? L-ikel li nieklu? Il-valuri Kristjani? U ħamsin sena oħra, mitt sena oħra? X’ser ikun jagħmilna Maltin? X’ser jagħmel lill-uliedi Maltin? Xi dritt għandi ngħid lis-Sudaniż biex ma jiġix Malta (lanqas jistaqsi għar-refuġju) għax Malta hija tiegħi u int mhux Malti?
M’għandix risposta għal kollox... u allura nistaqsi qabel inkeċċi lil xi ħadd. Nistaqsi qabel ngħajjar politikanti barranin għax naħseb li din problema ta’ Malta biss. Nistaqsi xi dritt għandi ngħid le lil xi ħadd biex jiġi pajjiżi meta d-dinja nħolqot mingħajr fruntieri, u r-riżorsi tagħha nħolqu għal kulħadd?
Ideali? Forsi. Impossibbli? Min jaf. Inti taf?

------------------
Ara wkoll: George Carlin on National Pride