Sunday, December 1, 2013

Jiena Malti!

...eh, allura?
Ħafna bħalissa qed jiddibattu l-kwistjoni tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. Ngħiduha kif inhi... il-Gvern ma kellux mandat elettorali għal din il-liġi, aktarx għax kien jaf li mhux ħa tkun popolari. Imma lill-hinn minn dak l-argument wieħed tajjeb li jistaqsi xi tfisser li int Malti? X'jagħmilni Malti u mhux Franċiż? X'jagħmilni Ewropew u mhux Għarbi?


Mela ejja nibdew bl-ovvju... l-ilsien Malti b'għerq Semitiku u mħallat m'ilsna oħra komplut bid-djaletti huwa lsien uniku użat minn ftit aktar minn 400,000 ruħ fuq din il-gżira tagħna. Għandna l-bandiera Maltija, storja wiesa' aktar minn dik ta' pajjiżi ħafna akbar. Jekk xejn minn dan, jiena ngħid li jien Malti għax twilidt Malta.

Stajt twilidt l-Ingilterra, L-Awstralja, iċ-Ċina, l-Arġentina jew il-Kenja. Imma le. Twilidt Malta. Kuntent li jien Malti għax hua parti minn dak li jien. Kburi li jien Malti? Jiena kburi b'xi affarijiet f'ħajti li ħdimt għalihom... iggradwajt, rajt pajjiżi li ma kontx noħlom li nara. Imma nista' ngħid li jien kburi fuq xi ħaġa li ma ħdimtx għaliha? Nista' nkun kburi li għandi xagħri skur? Li jien it-tieni minn żewġ aħwa? Ma ħdimtx għall-fatt li jien hekk hux vera? Daqstant ieħor ma kelli xejn x'naqsam mal-fatt li jiena Malti. Hawn min sar Malti avolja twieled il-Ghana jew il-Kanada. Quddiem il-liġi huwa Malti daqsi. Aktarx xi ħadd mill-Kanada li sar Malti jipprova jitkellem bil-Malti aktar minn xi wħud li twieldu u għexu Malta għomorhom kollha... allura dawn inqas Maltin mill-Kanadiż?

Allura qed ngħid li ma jimpuratx jekk inbiegħu ċ-ċittadinanzi? Jekk nieħu perspettiva ta' negozjant (li m'inix) ngħidlek "U żgur li ma jimpurtax!". Iżda li ma nqiegħedx ċerti obbligi fuq min jixtriha għalija hija ekwivalenti għal jekk jiena għandi ħanut, intik iċ-ċwievet għax naf li inti kapaċi żżidli l-bejgħ... imma fil-verità inti qatt ma tersaq lejn il-ħanut għaliex issib li ċ-ċwievet jaqblu mas-serratura ta' ħanut ieħor, akbar, żewġ toroq bogħod. Ma nafx ħawwadtekx aktar bl-eżempju... però li jurtani l-fatt hu li qisna qed nagħtu aċċess għal pajjiżi oħra permezz ta' ċittadinanza Maltija u flok ikkompetejt, tajt ix-xogħol lill-kompetizzjoni.

Ejja ngħiduha kif inhi... jekk din hija sistema li ħadmet f'pajjiżi bħall-Portugall u l-Awstrija... dejjem la darba x-xiri taċ-ċittadinanza jkun marbut ma' kundizzjonijiet li jgħinu lill-ekonomija tal-pajjiż... għalfejn aħna qisna tfajna skont speċjali?

Bi prinċipju ma nistax ngħid li ma naqbilx mal-bejgħ taċ-ċittadinanza, iżda biss jekk dan ikun marbut ma' investiment fil-pajjiż li jista jieħu forom differenti - jew xiri ta' proprjetà u/jew ftuħ ta' kumpanija li timpjega numru ta' nies. Dan għaliex il-fatt li jien Malti għalija huwa pjuttost fatt ta' kumbinazzjoni.

Iva, mezzi tal-mijdja barranija waqqgħuna u speċjalment lill-Gvern għaż-żufjett... u aktarx bir-raġun. Imma kieku jħaddmu moħħhom... pajjiżi oħra jistgħu jużawna biex jattiraw l-investiment lejn pajjiżhom. Kif? Il-Gvern Spanjol jew Pollakk, mingħajr ma jgħaddi mill-proċess kontroversjali li jbiegħ iċ-ċittadinanzi ta' pajjiżu, iħajjar investitur kbir miċ-Ċina jew mill-Emirati jixtri ċ-ċittadinanza Maltija u jiftaħ in-negozju f'pajjiż minnhom... taħsbu li għadha m'għaddiet minn moħħ ħadd? Jien persważ li iva. Però ma jidhirx li din għaddiet minn moħħ il-Gvern, sakemm ma jridhix tkun miżura biex jgħin lill-proxxmu... min jaf? 


Ara wkoll: George Carlin - Pride & Blessing