“L-għaref hu dak li jaf li ma jafx” kien qal darba Sokrate.
Jien l-ewwel wieħed għandi ħabta niżżattat, nagħti opinjoni fuq kollox anke fejn ma nifhimx. Forsi għax żatat, forsi għax Malti, forsi għax bniedem, forsi kollha f’daqqa. Nammetti l-injroanza tiegħi f’numru ta’ suġġetti u jekk ma nevitax li niddiskutihom, nipprova nifhem ħalli noħloq opinjoni u nitgħallem.
Nipprova nifhem per eżempju kif hawn min jieħu pjaċir jara Afrikan imħallas biċ-ċejċi jew saħansitra ma jilqgħux f’pajjiżu sempliċiment għaliex hu Afrikan jew ta’ ġilda skura. Ma nifhimx għalhekk kif bħala pajjiż nagħmlu tant karità u mbagħad ngergru għax tidħol dgħajsa immigranti u xi ftit ċenteżmi mit-taxxi tagħna jmorru għandhom.
Ma nifhimx kif il-poter jibdel lin-nies. Kif min għax għandu pożizzjoni għolja jara lil ta’ taħtu dubbien, inaqqrilhom kundizzjonijiet tax-xogħol u jinsa li huma bnedmin.
Ma nifhmix kif l-għada ta’ elezzjoni għall-Parlament Ewropew nisimgħu kif gruppi razzisti, xenofobiċi u kontra l-Ewropa jikkontestaw elezzjoni biex huma stess ipappu l-eluf fix-xahar bħalma jikkritikaw lill-ħaddieħor dwarha.
Waqt li Malta tellgħet lil Alfred Sant bi 48,000 vot għall-Parlament Ewropew (u ta’ dan ngħidlu prosit), nitfakar sewwa li 18-il sena ilu, bħala żagħżugħ kien għalaqli l-bibien kollha tal-Ewropa f’wiċċi.
Ma nifhimx lanqas kif wara diżfatta elettorali, partit, mexxej jew kandidat, jipprova jiġġustifika riżultat minflok iqiegħed idu fuq sidru u jgħid “ħtija tiegħi.”
Ma nifhimx lanqas kif plejer tal-futbol jitħallas mal-100, 200, 300 elf fil-ġimgħa u jitlaq minn klabb biex jaqla’ iktar jew igerger għax jilgħab inqas.
Xi affarijiet ma nipprovax nifhem u nafda u nittama li hemm ħaddieħor li jaf x’inhu jagħmel aktar minni. Nifhem li ma nistax nifhem kollox u f’kollox.
U inti? Fiex tifhem?