Tuesday, July 21, 2015

Ħsara lill-politika…

Il-politika inqisha bħala għodda ta’ servizz lejn il-komunità, lejn il-pajjiż u fid-diversi livelli tagħha wieħed jista’, jipparteċipa fiha, sew bħala kandidat, u sew bħala elettorat. Hemm min ma jivvutax għax iħossu mhux moqdi, jew għax jemmen li l-politika hija maħmuġa, jew li l-partiti huma kollha xorta. Imma tgħid dan minnu?

Il-Partit Laburista ħareġ bl-għajta ta’ moviment li ser iġib bidla. Bidla fl-istil ta’ tmexxija, bidla fl-istil ta’ politika, trasparenza, bidla min-nepotiżmu għall-meritokrazija, bidla allura f’dik li hi korruzzjoni. Ħafna minn dawk is-36,000 persuna li għażlu lill-Partit Laburista, għamlu dan, fiduċjużi li dan ser iġib bidla. Fiduċjużi li ser nibdew naraw kuntratti jiġu ppublikati, li min hu korrott jiġi investigat u li ma jkunx hemm nitfa mġiddma ta’ korruzzjoni.

Wieħed ma jistax jinjora l-fatt li fis-sentejn u nofs li ilu fil-gvern, il-Partit Laburista elenka liġijiet u wettaq wegħdiet li kienu ilhom snin biex jitwettqu (eż. Unjoni ċivili). Ħobbhom jew għobodhom, wettaq liġijiet li lanqas biss kienu wegħdiet (eż. Bejgħ tal-passaporti u addozzjoni ta’ tfal minn koppji tal-istess sess). L-ekonomija qed tkompli tibni fuq it-tajjeb tal-amministrazzjoni ta’ qabel u qed turi sinjali pożittivi ħafna. 36,000 persuna ivvutaw għal dan.

Il-każ tal-iskandlu tax-xiri taż-żejt li ħareġ qabel l-elezzjoni li għaddiet kien, għadu u jibqa’ tal-mistħija. Skandli oħra li saru f’amministrazzjoni oħra jibqgħu ħżiena u kundannabbli. Imma bi Gvern li kellu jġib bidla… wieħed jippretendi li skandli hekk, b’xamma ta’ korruzzjoni, kellhom jieqfu.

Imma xahar wara xahar, ġimgħa wara ġimgħa, sirna nisimgħu u naqraw stejjer li jġiegħlu lill-Gvern jara kif jiġġustifika kull waħda minnhom. Wieħed jippretendi li kuntratti pubbliċi jkunu aċċessibbli għall-pubbliku u mhux isir in-negozju u mbagħad forsi jidher il-kuntratt. Wieħed per eżempju jippretendi li l-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern u l-Autobuses de Leon, xhur sħaħ wara li din qed topera f’pajjiżna, jiġi ppublikat. Wieħed jippretendi li l-kuntratt tal-power station ukoll jiġi ppubblikat. Il-każijiet ta’ esproprjazzjoni tal-artijiet u proprjetajiet mill-Gvern biex ma nsemmux il-ħafna ħeġġa għall-bini fuq Żoni Barra mill-Iżvilupp, u impiegi mgħotija skont il-kulur politiku u skont min jiġi minn min (irrelevanti mill-età). Dawn l-affarijiet kienu jiġru qabel l-elezzjoni u kienu ħżiena u tal-mistħija… imma mid-dehra baqgħu jsiru. Il-bidla. Fejn hi? Jew issa saru tajbin dawn l-affarijiet? Nistaqsi, is-36,000 ivvutaw għal dan?

Lill-hinn mill-partiġġjaniżmu wisq nibża' li dan qed jagħmel ħsara lill-fiduċja li wieħed jitfa’ fil-politika speċjalment dik Maltija li hi limitata fejn tidħol għażla. Kull min ivvota lil Partit Laburista bit-tama ta’ bidla għaliex kien iddiżappuntat mill-ħmieġ li ħareġ minn ġol-Partit Nazzjonalista fl-aħħar snin fil-Gvern, hemm ċans li darb’oħra jastjeni milli jivvota. Ir-responsabbiltà li l-Gvern Laburista għandu mhix waħda biss li jwettaq il-programm elettorali iżda li jara li jkun veru moviment ta’ bidla li wiegħed li ser iġib u jissalvagwardja l-kredibilità tal-elettorat, tal-poplu, fil-politikaMinkejja li bħala Gvern kien wieħed ta’ suċċess fejn jidħol riżultati ekonomiċi u soċjali, sa issa, fejn tidħol bidla fl-istil ta’ tmexxija, trasparenza, meritokrazija, u korruzzjoni, ma jidhirx li nistgħu ngħidu l-istess. Meta tara li xtaqt bidla u l-bidla ma ġietx, int x’tagħmel? Tivvota? Ma tivvutax?