Thursday, December 29, 2016

Kienet sena...

Nawguralek sena fejn titbissem anké jekk
id-dinja ta’ madwarek tkun bil-geddum.
Kienet sena differenti hux din? Il-politika ġiet qisha skrun. Ir-Renju Unit ivvota biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti tellgħet lil Trump, Erdogan kompla jgħafas il-ponn, Putin mir-rokna komda tiegħu qisu qed jilgħab logħba ċess, fis-Sirja kompla t-tixrid tad-demm… f’Malta bdejna bil-ħtif tal-ambjent mill-ispekulaturi, u spiċċajna bil-ħtif farsesk tal-ajruplan tal-Afriqiyah… u bejniethom il-ħtif (u sarr) tal-kuntratti pubbliċi mill-Gvern, u sarr ta’ kontijiet fil-Panama. Dan kollu waqt li d-dinja daħlet f’era politika mlaqqma post-veritiera… fejn prattikament ma tistax tgħid x’taqbad temmen u fejn il-mezzi tax-xandir ta’ kull tip jitimgħuna bil-“veritajiet” tagħhom.

Kienet sena fejn donnu waqgħet saħħta fuq għadd ġmielu ta’ ċelebritajiet… b’xi forma ta’ kumbinazzjoni għażlu li jmutu kollha dis-sena. Imma fl-istess ħin, tista’ tgħid li ħafna minnhom kienu ċelebritajiet li jew waslu f’ċerta età, inkella l-fama dewqithom l-era ta’ sess, drogi u rock’n’roll li żgur, sakemm ma tkunx membru tar-Rolling Stones, inaqqrulek xi ftit snin minn ħajtek.


Kienet sena fejn rajna t-tajjeb ukoll. Ġiet eridakata l-Ebola u l-malaria naqset b’sittin fil-mija, għall-ewwel darba f’ħamsin sena il-Myanmar kellu l-ewwel mexxejja tal-pajjiż li ġiet eletta demokratikament, is-saff tal-ożonju jidher li beda juri kambjamenti għall-aħjar, kien hemm ajruplan li dar id-dinja permezz tal-enerġija mix-xemx, in-numru ta’ tigri fid-dinja żdied għall-ewwel darba f’mitt sena, u l-lista tkompli.


Kienet sena li mhux kulħadd raha għaddejja… aktarx għax ħafna kienu aljenati jilagħbu Pokemon Go jew wiċċhom mal-mobile iġerru l-Facebook, Twitter, Instagram jew Snapchat… joqtlu l-ħin mingħajr ma jindunaw x’inhu jiġri madwarhom.


Kienet sena fejn bħall-oħrajn kellha t-tajjeb u l-inqas tajjeb u fejn fl-aħħar ġranet tas-sena, fuq l-iskrins tat-televixin ma naqasx li jintwera Home Alone kif ukoll li ssir il-ġabra tal-Istrina.


Minn hawn nawguralek li s-Sena l-Ġdida tkun mimlija b’esperjenzi sbieħ, bit-tajjeb u b’dak kollu li jagħmlek kuntent. U meta xi ħaġa tmur żmerċ, ftakar li ma jistax ikun kollox ikun perfett, u xi affarijiet ikunu inqas tajbin, biex inkunu nistgħu ntejbuhom.


Ħu ħsieb! 


Wednesday, November 2, 2016

Niskantaw!

Nagħżlu lil Barabba flok lil Kristu
U niskantaw kif għandna dinja qegħda ottu
Il-widien bnejna sal-iċken ċentimetru kwadru
U niskantaw kull meta bl-ilma t-toroq faru

M'għadx fadal rokna bla krejn jew bini
U niskantaw kif aktarx anke trab għandna fil-vini

Nieklu l-għaġin, pastizzi u xi ħobża bajd u laħam
U niskantaw kif għandna pajjiż l-ewwel fejn jidħol ix-xaħam

Kulħadd bil-mobajl, b'xi mod jaljina
U niskantaw kif ħadd m'għadu jgħid kelma, ħanina!

Nistaqsu għall-pjaċiri, favuri u forsi nidħlu f'xi komplott
U niskantaw kif ma ssibx mexxej li mhux b'xi mod korrott

Għandna toroq magħmula għaż-żwiemel
Gass mal-pjanċa bil-mobajl f'idejna
U niskantaw b'xi inċident li jġib kull m'hemm demel

Nagħmlu minn kollox biex ma nħallux lil min jitlob ġewwa
U niskantaw meta dawn joħorġu jitolbu barra.

L-Amerka, ir-Russja, Franza u l-Ingilterra l-armi jbiegħu
U niskantaw kif jaraw x'jagħmlu biex il-gwerer jbellgħu

Mill-ġid tal-kolonjaliżmu l-Ingilterra stagħniet
U niskantaw kif il-pajjiż miżgħud b'nies mill-Erbat Irjieħ

Nibqgħu x-xogħol sa tard,
Ninsew lin-nisa, rġiel jew anke lit-tfal
U niskantaw kemm dawn kibru malajr!

Nagħżlu lil Barabba flok lil Kristu
U niskantaw kif għandna dinja qegħda ottu

Ma hemmx konsegwenza mingħajr azzjoni
Allura għala tiskanta la xejn ma jiġri b'kumbinazzjoni?!

Sunday, August 28, 2016

Irrid

Irrid ngħix fejn l-arja mhix lussu
Fejn nara l-ħdura mhux fin-nies
Fejn baqar u mogħoż fil-kampanja jirgħu
Flok tas-soċjetà jqaffsu s-sisien.

Irrid ngħix fejn ħadd ma jdejqek
Għax Iswed, Abjad, Ikħal, Aħmar
Isfar, Roża jew Ċelest
Fejn mhux il-flus imma l-valuri
Jagħmluna fost l-aqwa u the best.

Irrid lil uliedi jħarsu 'l fuq
U jaraw is-smewwiet
Irridhom jilagħbu barra...
... Bla karozzi jtajruhom
... Bla ħġieġ xi jkissru
Jiġru,  jaqbżu, jgħajjtu kemm jifilħu
Bil-ferħ tat-tfulija
Mhux bil-qtugħ ta' nifs li qed iġġibu...

Iva, intom is-slaten t'issa u li jmiss...
Irrid li tieqfu għax ġa fottejtuha...
...intom u ta' qabilkom;
Tneffħu bwietkom, tistuprawha,
Tneffħu bwietkom, tqaħħbuha,
Tneffħu bwietkom, tnixxfuha m'nn ġewwa,
Tneffħu bwietkom, tħalluha għal mejta,
Tneffħu bwietkom, toħdulha ruħha.

Irrid lura nazzjon, pajjiż
Mhux biċċa art għal xi spekulatur bil-qmis.
Din l-art ħelwa, ġawhra tal-kavallieri
Saret garaxx tal-krejnijiet
Krejnijiet li jtellgħu mostri
Mostri tal-konkos
Konkos bla gost,
Fil-gholi li jifgak...
... Jifgak anke bil-ħoss.

Irrid toroq kollhom siġar
Bl-għasafar jgħannu fil-kantunieri
Funtani friski tal-ilma ġieri
Imma le...
...dik il-gżira kien jisimha Malta
Li llum saret deżert
Bl-avultuni jħufu,
mill-parlament jaraw x'ħa jnaqqru.
...u intom hemm...
...tneffħu bwietkom bħal keffiena
Waqt li lil Malti ttrattajtuh qisu dubbiena

Tuesday, July 19, 2016

Inħares...

Inħares 'l hawn, inħares 'l hemm
Wieħed jiġbor borża taż-żibel
Xiħ li saħħtu saret qisha riħ bit-tiben
Ieħor jisplodi u miegħu jeqred anke tifel
L-oħra ssawtet sakemm żewġha lilha qatel

Inħares 'l hawn, inħares 'l hemm
Protest kontra protest...
Sew kontra l-bini u sew favur l-ambjent.
Ta' parsi kolp ta' stat...
...anke dak falliment

Inħares 'l hawn, inħares 'l hemm
Aħna ż-żgħar nimlew bwiet il-kbar 
Waqt li l-kbar jistgħanew miż-żgħar.

Inħares 'l hawn, inħares 'l hemm
Politikanti jilagħbu ċess
Biex bl-aħjar mod joħorġu mill-mess.
Mess ta' flus li mhux tagħhom
Mess ta' gideb li bellgħu lil ta' magħhom.

Inħares madwari u nara kuljum
Nies jitgħajru għax ġejja l-festa
Nies ta' kull lewn u għamla jridu pajjiżhom lura
Nies mhedda minn ta' min skura hi l-ġilda,
Nies jibżgħu minn min bla passaport jew ċertifikat,
Nies Insara, nies Lhud, nies Misilma...
Nies li f'xejn ma jemmnu,
Nies li jgħidulek "Aħjar annimal!"
Nies li b'kollox taljina... u nies li tinsa...
Nies ta' fehma u nies ta' oħra...
Nies li fehmiethom mhix tagħhom
U nies li fehmietu sabu min ibellgħalhom.

Inħares 'l hawn u nħares 'l hemm

U naħseb kemm tkun differenti d-dinja
Mingħajr dil-mibegħda u b'ħafna maħfra...
Dinja aħjar għal uliedi u għalija.