Thursday, December 29, 2016

Kienet sena...

Nawguralek sena fejn titbissem anké jekk
id-dinja ta’ madwarek tkun bil-geddum.
Kienet sena differenti hux din? Il-politika ġiet qisha skrun. Ir-Renju Unit ivvota biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti tellgħet lil Trump, Erdogan kompla jgħafas il-ponn, Putin mir-rokna komda tiegħu qisu qed jilgħab logħba ċess, fis-Sirja kompla t-tixrid tad-demm… f’Malta bdejna bil-ħtif tal-ambjent mill-ispekulaturi, u spiċċajna bil-ħtif farsesk tal-ajruplan tal-Afriqiyah… u bejniethom il-ħtif (u sarr) tal-kuntratti pubbliċi mill-Gvern, u sarr ta’ kontijiet fil-Panama. Dan kollu waqt li d-dinja daħlet f’era politika mlaqqma post-veritiera… fejn prattikament ma tistax tgħid x’taqbad temmen u fejn il-mezzi tax-xandir ta’ kull tip jitimgħuna bil-“veritajiet” tagħhom.

Kienet sena fejn donnu waqgħet saħħta fuq għadd ġmielu ta’ ċelebritajiet… b’xi forma ta’ kumbinazzjoni għażlu li jmutu kollha dis-sena. Imma fl-istess ħin, tista’ tgħid li ħafna minnhom kienu ċelebritajiet li jew waslu f’ċerta età, inkella l-fama dewqithom l-era ta’ sess, drogi u rock’n’roll li żgur, sakemm ma tkunx membru tar-Rolling Stones, inaqqrulek xi ftit snin minn ħajtek.


Kienet sena fejn rajna t-tajjeb ukoll. Ġiet eridakata l-Ebola u l-malaria naqset b’sittin fil-mija, għall-ewwel darba f’ħamsin sena il-Myanmar kellu l-ewwel mexxejja tal-pajjiż li ġiet eletta demokratikament, is-saff tal-ożonju jidher li beda juri kambjamenti għall-aħjar, kien hemm ajruplan li dar id-dinja permezz tal-enerġija mix-xemx, in-numru ta’ tigri fid-dinja żdied għall-ewwel darba f’mitt sena, u l-lista tkompli.


Kienet sena li mhux kulħadd raha għaddejja… aktarx għax ħafna kienu aljenati jilagħbu Pokemon Go jew wiċċhom mal-mobile iġerru l-Facebook, Twitter, Instagram jew Snapchat… joqtlu l-ħin mingħajr ma jindunaw x’inhu jiġri madwarhom.


Kienet sena fejn bħall-oħrajn kellha t-tajjeb u l-inqas tajjeb u fejn fl-aħħar ġranet tas-sena, fuq l-iskrins tat-televixin ma naqasx li jintwera Home Alone kif ukoll li ssir il-ġabra tal-Istrina.


Minn hawn nawguralek li s-Sena l-Ġdida tkun mimlija b’esperjenzi sbieħ, bit-tajjeb u b’dak kollu li jagħmlek kuntent. U meta xi ħaġa tmur żmerċ, ftakar li ma jistax ikun kollox ikun perfett, u xi affarijiet ikunu inqas tajbin, biex inkunu nistgħu ntejbuhom.


Ħu ħsieb!