Qed inħossni magħluq
Ġo gaġġa maħnuqa
Bit-trab u riħa t’għeluq.
![]() |
Qed inħossni fgat
Qed inħossni nħnaqt Bla arja in-nifs qtajt Iftħuli għax issa xbajt! |
Mar-radd tas-salib
Jibda t-tħaffir
Biex jibdielek il-ġurnata
B’ħafna tgergir
Tirkeb fil-karozza
Fit-traffiku teħel
Jekk timxiha
Il-pulmun isir demel
Qed inħossni nifga
Qed inħossni maħnuq
Ma fadalx arja
Kullimkien għeluq
Konkos kull fejn tħares
Torrijiet bla pjan
Flok siġar krejnijiet
Jiżbokkaw sas-sema kaħlan
Dawn saru l-veduta ewlenija
Ta’ dil-gżira li tant kellha ġmiel
U bi storja kbira tant hija mogħnija.
Illum għandna Malta tal-fuljetti
Li jżur it-turist sakemm jippermetti
U Malta tagħna l-Maltin
Li qisu apposta ma nifqux nagħmlulha l-ħażin.
Qed inħossni fgat
Qed inħossni nħnaqt
Bla arja in-nifs qtajt
Iftħuli għax issa xbajt!
Titkellem qas tista’
Tgħid x’tgħid jgħajruk li int kontrihom
Iqumu għalik qisek lil ommhom ħadtilhom
Qalulna wkoll li l-libertà għandna tal-kelma
Sakemm ġurnalista tajjru mas-sema
Ilħaqna l-punt tal-ebda ritorn
Fejn il-kilba għall-but
Tħalltet mat-tron
U “Kull fejn tħares tara l-ħallelin”
Basta s-slaleb inroddu
U nieħdu l-ġuramenti quddiem il-Bambin
Dil-mażra fgatni
Ħallietni bla leħen
Nifs qas fadalli
Qalbi...nqatgħet








