Tuesday, June 27, 2017

Ġanna ta' Valent

Fi Triq il-Ġdida f’Ħal Luqa kont tara mara tarmi s-saħħa, li malli tibda l-ewwel longa sajfija bħal koċċ nies oħra fir-raħal kienet toħroġ is-siġġu fuq il-bankina, erħilha tgħid kelmtejn ma’ dak u mal-ieħor, ġirien u nies għaddejja bil-pass minn ħdejn id-dar umli tagħha bieb ma’ bieb mal-klinika ċkejkna tat-tabib Mifsud Bonnici.

Imwielda nhar l-1 ta’ Novembru 1915, kienet mara li batiet imma qatt ma qatgħet qalbha. Meta żewġha, Valent, erħielha lejn l-Amerka għal 24 sena sħaħ biex jgħajjex lill-familja f’Malta, Ġanna baqgħet hawn trabbi l-erba’ wlied tagħhom minn sitta li baqgħu ħajjin. Kienet tilfet tnejn minn uliedha… Georgia ta’ ħdax-il xahar u Fredu li ta’ seba’ snin ittajjar minn fuq il-bankina minn karozza tal-militar Ingliż quddiem darha. Iżda minkejja d-dieqa ta’ dawn it-telfiet, qatt ma ħarset lura b’disprezz lejn il-ħajja u wliedha telgħu nies tar-rispett.

Ġanna Muscat kienet Qormija u ara ma jfettillekx tmissilha lil San Ġorġ għax lixxa ma tħallihilekx żgur. Iżda kienet tirrakkontalna kif meta waslet biex tiżżewweġ lil Valent… fetlilhom qasmu l-parroċċi f’Ħal Qormi u t-triq fejn kienet toqgħod ġiet bl-eżatt tagħmel mal-parroċċa l-ġdida ta’ ħadd ħlief San Bastjan. Xi traġedja! Dak iż-żmien mhux bħal-lum… Żwieġ kien isir biss fil-parroċċa tal-għarusa. Jingħad li li tiżżewweġ barra mir-raħal jew f'parroċċa oħra kien sinjal li ridt taħbi xi ħaġa. Ma hemmx x’tagħmel. Biex saret 'Ġanna ta’ Valent' kellha tiżżewweġ fil-knisja ta’ San Bastjan.

Fil-gwerra diġà kienet omm. Rakkonti ta' kemm kienu jieħdu refuġju fix-xelter li kienu bnew il-ġirien,il-Victory Kitchen u oħrajn ma kinux jonqsu.

Fost l-istejjer leġġendarji ta’ Ġanna… Jingħad li meta kienet żgħira legilget nofs flixkun pitrolju, li kien jitħalla fuq il-mejda tal-kċina biex jixgħel xi lampa ċkejkna hekk kif tfixklitu ma’ nbid. Kienx inbid jew pitrolju Alla biss jaf, imma dik il-lejla Ġanna kienet raqdet fil-fond bħal blata imma qamet qisha ħassa.

Kellha dar umli, b’kera mingħand il-ġara. Is-sular ta’ fuq ftit niftakru… Kellu bieb dejjem imsakkar jinfed għand l-istess ġara… Bieb ieħor jieħdok għal speċi ta' bejt jagħti għall-bitħa. Il-bitħa b’bir li qatt ma naf li naqaslu l-ilma, qsari kemm trid, kaldarun taż-żingu u fiż-żmien kien hemm il-fniek u xi gidi jew ħaruf li kien iġib Valent. Dik il-bitħa li tgħidx kemm lgħabna fiha! Kont toħroġ fiha minn loġġa li tasal għaliha mill-kamra mdaqqsa tal-ikel, b’rediffusion fuq is-sajdbord, gwardarobba u friġġ. Biswitha kċina li jekk ikun hemm tnejn min-nies fiha, komdi ma kinux joqogħdu. Iżda minnha kien joħroġ ikel mill-iprem. Ir-ross il-forn, qaqoċċ mimli, imqarrun bil-qiegħ miksi bil-patata mqatta’ rqiqa, brodu tat-tiġieġ u pulpetti tal-bullubijf, majjal mixwi bil-patata l-forn...niftakar fihom nibda nliegħeb. U ovvjament ma kinux jonqsu dik it-tazza Kinnie jew 7Up.
Fil-kamra tat-taraġ kien hemm is-sodda tagħha u sodda oħra. It-teleforn, li minnu konna ġieli nissendikaw, nisimgħu konverzazzjonijiet bejn min jaf min, u li aktar tard inbidel għas-sett tat-telecare kien fuq komodina bejn is-sodod. Kuruna tar-rużarju mdendla mat-tustiera ma tonqosx, u mal-ħajt, faċċata, vetrina bit tazzi u remiżorji oħra… teżor ċkejken għal xi regettier.
Imbagħad toħroġ fis-salott … l-ewwel kamra mill-bieb ta’ barra. Ma kienx salott minn dawk li qatt ma jintuża. Kien hemm televixin, mera u sufan taħtha, b’marka ta’ ħarqa ta’ sigarett ta’ Valent, ritratt tal-preċett ta’ Fredu kważi mas-saqaf u ieħor taż-żwieġ li sar fil-knisja ta’ San Bastjan. Fuq is-sajdbord żiemel tal-injam u koċċ inkwatri ta' kull daqs b’ritratti li jlaqqgħuk mal-familja kollha. Fir-rokna tieqa bil-persjana u taħtha kien hemm il-pultruna ta’ Ġanna. Mhux darba u tnejn li kienu jieqfu jkellmuha hekk kif il-bieb kienet tħallih imbexxaq u ġieli anke miftuħ. Fil-festa ta’ Sant’Andrija s-salott kien isir estensjoni tal-każin. Minkejja li kienet soda fl-opinjoni politika tagħha, politiċi ta’ kull naħa waqt ir-ronda mal-kostitwenti kienu jieqfu jkellmuha u bejn grokk u ieħor jeħlu għandha.

Meta ommi kellha lil ħija u lili erħilha taqbad tal-linja biex tagħti daqqa t'id lill-ommi. Tgħaddi minn tas-Sliema kienet tiftakar fi New York fejn kienet telgħet ħdejn Valent. Dan meta l-Preluna kienet l-aktar binja prominenti max-xatt. Mur ġibha titla' llum!

Ġanna romlot ftit snin biss wara li Valent, li kien idaħħan b'mod li jġiegħel ċumnija tgħir, kien ġie lura mill-Amerika fejn tnax-il sena qabel diġà kien tfejjaq mill-ewwel kanċer fil-pulmun. Romlot imma għaliha l-ħajja kompliet ukoll. Kompliet tgħin fejn setgħet u lil kull min setgħet. Jekk mhux bl-għemil, bil-karità. Fuq kollox Ġanna qatt ma waqfet tħobb, qatt ma bagħdet lil ħadd. Għalkemm min jirrabjaha ma kinitx tħallih mingħajr ma tibgħatu jżur ‘l hawn jew ‘l hemm.

Fi żmien il-baġit erħilha titkellem dwar il-baġí qisu xi amorin. Kull meta taqbel ma’ xi argument kienet toħroġ xi “U ngħid!” b'dik it-tkarkira Luqija li wirtet maż-żmien. U ma kinitx tonqos il-“Qulla!” minflok iżżarrat xi waħda jekk tkun bihom.

Konna mmorru nhar ta’ Sibt nżuruha u mmorru dawra fejn joħodna r-riħ fis-Suzuki 800 ta’ missieri. Wara li tatha l-ewwel puplesija li ħasditna mhux ftit imma li rkuprat minnha kompletament, ommi u z-zijiet kienu joħdulha l-ikel waqt li s-servizz tal-meals on wheels kienet waħda minn tal-ewwel li żanżnitu. Żewġ puplesiji u sieq inqas wara, Ġanna ta’ Valent mietet fl-età ta’ 79 sena…nhar id-9 t'Ottubru 1995, ftit jiem biss qabel misset it-80.

Ġanna ta’ Valent ma hija ħadd ħlief in-Nanna Ġanna. Li l-karattru żbukkat u spirtu pront xi ftit jew wisq wiritnih kollha kemm aħna fil-familja. Rabbiet tfal b’karattru b’saħħtu u qalb tad-deheb u wliedha hekk rabbewna wkoll. U hekk aktarx inrabbu lill-uliedna.

In-Nanna Ġanna ħalliet biss memorji sbieħ f'moħħna u f’qalbna u dawn kienu ftit milli niftakar b’għożża u nġorr miegħi kuljum anke jekk id-dettalji żgħar bdew xi ftit jew wisq jisfumaw ukoll. Persważ li jekk tkellem nies li kellhom x-xorti jafuha bħali u li gawdewha iktar minni, ser jgħidulek aktar affarijiet u oħrajn differenti wkoll.

Ta’ dan u aktar, grazzi Nann. Sakemm nerġgħu niltaqgħu!