Monday, October 23, 2017

Mażra

Qed inħossni nifga
Qed inħossni magħluq
Ġo gaġġa maħnuqa
Bit-trab u riħa t’għeluq.
Qed inħossni fgat
Qed inħossni nħnaqt
Bla arja in-nifs qtajt
Iftħuli għax issa xbajt!

Mar-radd tas-salib
Jibda t-tħaffir
Biex jibdielek il-ġurnata
B’ħafna tgergir

Tirkeb fil-karozza
Fit-traffiku teħel
Jekk timxiha
Il-pulmun isir demel

Qed inħossni nifga
Qed inħossni maħnuq
Ma fadalx arja
Kullimkien għeluq

Konkos kull fejn tħares
Torrijiet bla pjan
Flok siġar krejnijiet
Jiżbokkaw sas-sema kaħlan
Dawn saru l-veduta ewlenija
Ta’ dil-gżira li tant kellha ġmiel
U bi storja kbira tant hija mogħnija.

Illum għandna Malta tal-fuljetti
Li jżur it-turist sakemm jippermetti
U Malta tagħna l-Maltin
Li qisu apposta ma nifqux nagħmlulha l-ħażin.

Qed inħossni fgat
Qed inħossni nħnaqt
Bla arja in-nifs qtajt
Iftħuli għax issa xbajt!

Titkellem qas tista’
Tgħid x’tgħid jgħajruk li int kontrihom
Iqumu għalik qisek lil ommhom ħadtilhom
Qalulna wkoll li l-libertà għandna tal-kelma
Sakemm ġurnalista tajjru mas-sema

Ilħaqna l-punt tal-ebda ritorn
Fejn il-kilba għall-but
Tħalltet mat-tron
U “Kull fejn tħares tara l-ħallelin”
Basta s-slaleb inroddu
U nieħdu l-ġuramenti quddiem il-Bambin

Dil-mażra fgatni
Ħallietni bla leħen
Nifs qas fadalli
Qalbi...nqatgħet

Monday, October 16, 2017

Illum xejn ma jsabbarna.
Tlifna mhux biss ġurnalista b'mod barbaru
Imma magħha ġiet mhedda l-libertà tal-espressjoni, id-demokrazija u l-ġurnaliżmu.
Illum Malta tilfet. Illum għandna martri tal-pinna. 
Illum Daphne ngħaqdet ma' Raymond u Karin.
J'Alla l-ġustizzja tgħinek tistrieħ fis-sliem.
J'Alla.
#RIP #DaphneCaruanaGalizia #Malta #FreeSpeech #FreedomOfSpeech #JienaDaphne