Monday, October 23, 2017

Mażra

Qed inħossni nifga
Qed inħossni magħluq
Ġo gaġġa maħnuqa
Bit-trab u riħa t’għeluq.
Qed inħossni fgat
Qed inħossni nħnaqt
Bla arja in-nifs qtajt
Iftħuli għax issa xbajt!

Mar-radd tas-salib
Jibda t-tħaffir
Biex jibdielek il-ġurnata
B’ħafna tgergir

Tirkeb fil-karozza
Fit-traffiku teħel
Jekk timxiha
Il-pulmun isir demel

Qed inħossni nifga
Qed inħossni maħnuq
Ma fadalx arja
Kullimkien għeluq

Konkos kull fejn tħares
Torrijiet bla pjan
Flok siġar krejnijiet
Jiżbokkaw sas-sema kaħlan
Dawn saru l-veduta ewlenija
Ta’ dil-gżira li tant kellha ġmiel
U bi storja kbira tant hija mogħnija.

Illum għandna Malta tal-fuljetti
Li jżur it-turist sakemm jippermetti
U Malta tagħna l-Maltin
Li qisu apposta ma nifqux nagħmlulha l-ħażin.

Qed inħossni fgat
Qed inħossni nħnaqt
Bla arja in-nifs qtajt
Iftħuli għax issa xbajt!

Titkellem qas tista’
Tgħid x’tgħid jgħajruk li int kontrihom
Iqumu għalik qisek lil ommhom ħadtilhom
Qalulna wkoll li l-libertà għandna tal-kelma
Sakemm ġurnalista tajjru mas-sema

Ilħaqna l-punt tal-ebda ritorn
Fejn il-kilba għall-but
Tħalltet mat-tron
U “Kull fejn tħares tara l-ħallelin”
Basta s-slaleb inroddu
U nieħdu l-ġuramenti quddiem il-Bambin

Dil-mażra fgatni
Ħallietni bla leħen
Nifs qas fadalli
Qalbi...nqatgħet

Monday, October 16, 2017

Illum xejn ma jsabbarna.
Tlifna mhux biss ġurnalista b'mod barbaru
Imma magħha ġiet mhedda l-libertà tal-espressjoni, id-demokrazija u l-ġurnaliżmu.
Illum Malta tilfet. Illum għandna martri tal-pinna. 
Illum Daphne ngħaqdet ma' Raymond u Karin.
J'Alla l-ġustizzja tgħinek tistrieħ fis-sliem.
J'Alla.
#RIP #DaphneCaruanaGalizia #Malta #FreeSpeech #FreedomOfSpeech #JienaDaphne


Tuesday, August 22, 2017

L-Għanja tal-Blata


Tella' ċint, addio bankina
Warrablu ħa jtella' dil-qaddisa binja
Jitmellaħ jekk intx
F’siġġu tar-roti
Ġenitur b'tarbija
Anzjan bil-bastun
Għax hekk iddeċieda dal-mingħul ta’ muntun.

It-Tnejn is-sewda it-Tlieta l-griża
Imma aħna noħorġu s-sewda
Kull meta jiftlilna.

Ġużi ħareg bil-kelb
Li nqeda fuq bankina
Tessie tagħha ġabritu f’borża
Imma ħallietha fin-nofs qisha f’vetrina.

Fit-toroq tagħna tlaqna dawra
Aktar mibnija għaż-żwiemel
Milli għal terz ta’ miljun vettura

Għaddej bit-trakk, Ara f’għajnu dieħel oneway
Għax ħa jaħrablu, ma tarax, Itawwal daqxej’?!
Tal-mutur għaddej żiffa, ara! Serrep bejn karozza, u issa oħra
Qabeż karreġġata avolja b’linja doppja
L-aqwa li qisu Sherlock...
L-ewwel li qasamlu, xeħtu fuq Facebook!
Bil-karozza qisna ċuċu trejn
M’hemmx li nimxu, għaddew sagħtejn
Xi stop sign hu? L-aħmar xi jfisser?
Ejja ‘bqa’ għaddej ħa naslu
Wasalna, ipparkjajna…
Tfajtha fuq l-isfar, f’kantuniera
X’ala biebi mir-rampa,
Dik għal dawk u mhux għalija
Il-warden xalata jfakkar Jum iċ-Ċitazzjoni,
Wara li pparkja doppju biex jixtri żewġ pastizzi u flixkun Kinnie.

Għandna x-xemx,
Bil-wisq u bl-abbundanza,
Il-ftit siġar li kellna
Qed inneħħuhom b’arroganza
Il-baħar lewn in-nir
Minn ħalqu ħierġa għajta b’ragħwa
“Ħammiġtuni biex il-ħut isir kbir!”.

Ingergru għall-barranin
Kemm aħna boloh x’waħda din?
Niftaħru bit-turiżmu
U kemm xogħlijiet b’pagi tajbin jeżistu
X’jiġri minn pajjiżna jekk dawn jitilqu?

Il-liġijiet linji gwida
Japplikaw għal ftit u mhux għall-bqija
Infurzar skont kif jinzerta
Sew jekk l-aħħar tax-xahar
Jew wara xi rapport f’gazzetta.

Fil-politika ejja ma nidħlux
Dik saret farsa minn hawn sal-ibgħad xmux
Membri tal-Gvern b’kontijiet moħbija
Bl-oppożizzjoni magħquda fi ġlieda għat-tmexxija.

Ngħixu f’Repubblika imsejħa ta’ Malta
Fejn dnub ftit tikber il-banana
Il-għaliex ma aħna xejn ħlief biċċa blata.
Li b'kilba mill-ġmiel tagħha neżżajna.

Monday, July 3, 2017

Għaġeb u Teftif

Tbus lill-mara
Tbus lit-tfal
Tmur sax-xogħol
U lura d-dar

Tidħol f’rutina
Qas taf kif
La ħin għall-għaġeb
U inqas għat-teftif

Dħalt Facebook Twitter u Instagram
Ara min miet, iżżewweġ u wiled!
Ara dix-xadina kemm hi tad-daħk
Kemm ġew tal-futbol? Taf li qas naf!

Tidħol f’rutina
Qas taf kif
La ħin għall-għaġeb
Imma sibt ftit għat-teftif

Il-Kristu! Rajthom tal-bergers?!
Qas temmen x’għaġeb
Lil-Luanda sallbuha għax serqet portmoni
Lil Ali ma ħamluhx għax mar isalli
U ħaġġru lil David għax iżżewweġ lil Gary.

Tidħol f’rutina
Qas taf kif
Sibt ħin għall-għaġeb
U anke għat-teftif

Tbus lill-mara għax dieħla torqod
Lit-tfal bisthom kienu ġà reqdin
Dħalt f’rutina qas taf kif
Ommi ma kemm taħli ħin!