Wednesday, November 11, 2009

L-Amorin



Ijwa l-aħwa… huwa żmienu mhux hekk? Żmien il-Budget… kulħadd jitkellem fuqu qisu waslet l-aħħar tad-dinja fuqna… u x’ħin qomna  indunajna li għadna ħajjin!

In-nanna Alla jaħfrilha kienet issejjaħlu l-‘Budgie’… fi żmien meta il-Ministru tal-Finanzi kien joqgħod jagħti lista sħiħa tal-prezzijiet tal-prodotti… dak kien il-pjan tal-infieq u l-inkwiet tal-Gvern ta’ pajjiżna… il-prezz ta’ bott tonn taż-żejt… il-prezz tal-bajd u ġobon… il-prezz tal-ħobż…

Insomma... dal-budgie... jew aħjar... l-amorin... jimlilek l-art kollha qxur ta’ żrieragħ u ħmieġ proċessat... iżda bħall-amorin ukoll iferrħek b’dik it-twerżiqa kantata u l-kuluri sbieħ tiegħu. Sew jekk kaħlan, safrani, abjad jew aħdar... l-amorin itik ftit... u joħodlok ftit ieħor. Ijwa ħija... dan l-amorin iferraħ lil Peppi u joqros lil Ċikku fl-istess ħin li joqros lil Peppi u jferraħ lil Ċikku.

Jekk tkun tpejjep... titlob il-Bambin li l-Amorin qatt ma jasal... għax għid li żgur ser jgħolielek dak il-pakkett imsiemer tal-pulmun. Jekk inti tqis ruħek mal-‘kulħadd’ allura aktarx li tistenna bi ħġarek iż-żieda tal-għoli tal-ħajja... imma  marell din qatt m’hi biżżejjed. U jekk inti tpappiha minn fuq it-taxxi tiegħi u ta’ sħabi kollha li jaħdmu... jew għax tirreġistra fil-għodu u tmur tbaqqan xi ħajt siegħa wara... jew ħriġt bord sempliċiment għax xbajt taħdem u wiegħed lil xi tabib kandidat li ser tivvutalu... jew sempliċiment qatt ma ħdimt f’ħajtek u skartajt ix-xogħol għax int purament għażżien... jew ma tixtrix ħalib u ħobż meta s-Super 5 taqbeż il-€100,000 biex ‘tittanta xortik’ b’kemm Alla ħalaq biljetti... allura aktarx int wieħed mill-aktar nies f’dal-pajjiż li b’xi mod misterjuż issib il-wiċċ li tgerger.

Illum iżda ma nisimgħux ministri jgħajtu l-lista tax-xirja... imma nisimgħu kliem tqil bħal Prodott Gross Domestiku... Żvilupp Sostenibbli... Defiċitt... Pakketti ta’ Stimolu... Fond imsejjaħ Mikro-kreditu... imma nsomma... ħafna kliem tqil li jsarraf f’ investimenti ta’ kull xorta skond il-politika tal-Gvern b’ mod li qatt ma tkun tidher li hemm xi ħjiel ta’ ideat min-naħa tal-opożizzjoni... ħafna kliem li jekk tagħsru sewwa qed jgħidlek... ħa ntik ftit minn hawn u noħodlok koċċ minn hemm...

Illum... le... ma nsemmux il-lista tal-prodotti... imma nitkellmu dwar il-prezz taż-żejt, il-kriżi finanzjarja, l-għoli tal-ħajja, il-kjuwijiet fl-isptar, l-ispiżerija tal-għażla tiegħek, il-qagħad fost iż-żgħażagħ, eko-Għawdex, żidiet misterjużi fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, taxxa fuq il-proprjetà... imma ma hemmx li nsibuh aħna ż-żejt?!




[Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma jistgħu jsalvawk...]


L-ewwel reazzjonijiet... dawk l-isbaħ... sew jekk Tony Zarb jew Gejtu Vella... ilkoll jgħidu kemm proposti kienu bis-saħħa tagħhom u fl-istess nifs jgħidu li l-Gvern ma semax minnhom.


Għalfejn ħafna ħela ta’ bżieq... programmi bla sugu fuq it-televixin... irjus sħan... diskussjonijiet li ma jispiċċaw qatt...wara li jħammeġ u jgħanni l-amorin meta jkunu diġa suppost saru ħafna diskussjonijiet minn qabel?


Kull sena l-istess storja... min jolqtu tajjeb jgħid li kien bilanċjat... min qiegħed fl-oppożizzjoni jgħid li kien falliment... min ma jkunx jaf x’ħa jaqbad jgħid u jxeqleb ftit lejn il-Gvern jgħidlek li fiċ-ċirkostanzi kien tajjeb... min ixaqleb lejn l-oppożizzjoni imma jrid iżomm sebgħu dritt jgħidlek li fiċ-ċirkostanzi seta’  kien aħjar...

Ma taħsbikx qed tisma’ kummenti minn pajjiżi differenti? Għidli int kieku twilidt f’xi mkien fejn tqumx fil-għodu u ssibx tiekol huwa l-inkwiet tiegħek. Ehh... kieku l-amorin jitkellem!

Relatati: http://www.timesofmalta.com/articles/headlines/budget