Thursday, July 10, 2008

Qalb it-Toroq

It-toroq... sew jekk kollhom ħofor jew lixxi, ippavimentati jew asfaltati... kollha xi darba jew oħra raw għexieren ta’ eluf ta’ passi u roti... passi ta’ ħafna nies bi storja, roti ta’ karozzi, ta’ muturi, ta’ trakkijiet u ta’ roti misjuqa lkoll min-nies bi storja unika, ilkoll fi triqithom lejn il-vjaġġ tal-ħajja.

Sew jekk Triq ir-Repubblika tal-Belt Valletta... sew jekk ix-Champs Elysees ta’ Pariġi jew Oxford Street f’Londra... jew inkella l-iċken sqaq fl-iżgħar villaġġ u fl-ikbar belt... kull triq rifsu fuqha nies bi storja... storja li tinbena fuq il-passat iżda storja li tista’ wkoll tinbidel matul il-vjaġġ.

Jien u għaddej mit-toroq fil-vjaġġ ta’ ħajti nħobb inħares lejn l-uċuħ... li jvarjaw mhux biss fil-karnaġġjon u l-forma... imma wkoll skond il-ħin tal-ġurnata u l-burdata ta’ l-individwu. L-individwu fi triqtu lejn ix-xogħol, lura għand il-familja jew lejn l-isptar għaż-żjara lil xi ħadd għażiż, lura lejn l-erba’ ħitan tal-kamra, forsi l-unika kamra tiegħu jew tagħha.

Jien u għaddej minn Oxford Street niftakar nies kważi jimbuttawni fi triqithom lejn il-ħajja mgħaġġla li qed jgħixu, minn ħanut għall-ieħor, minn stazzjon għall-ieħor. Fit-toroq ta’ Brussell tara ħafna ġlekkijiet u pożi, ta’ nies li jifilħu jħallsu jew li jpinġu lilhom infushom bħala s-salvaturi ta’ l-Ewropa tal-ġejjieni. Fit-toroq ta’ Vjenna... tara nies kolti u oħrajn kburin bl-istorja li mdawrin biha bil-palazzi, knejjes u toroq eleganti. Fit-toroq ta’ Pariġi tara nies imneħirhom imiss is-sema pero f’għajnejhom tara individwi bi storja wkoll... individwi li ftit huma differenti minni u minnek. Fit-toroq ta’ Sofia tħoss arja tal-komuniżmu għadha tidwi, waqt li fit-toroq ta’ Praga tħoss arja ta’ żgħożija li ħarġet minn era ta’ opressjoni. Fit-toroq ta’ Żagreb tinħass id-dieqa tal-gwerra tal-Balkani waqt li t-toroq ta’ Ljubljana miżgħuda bil-ħajja u kuluri li jispikkaw fl-uċuh ta’ l-individwi. Fit-toroq ta’ Bonn... tħoss ir-riġidità u arja li tqorrob dik ta’ ċimiterju f’din il-belt li xi darba kienet il-kapitali tal-Ġermanja tal-Punent. It-toroq tal-belt ta’ Oswiecem fil-Polonja huma maħnuqa bl-istigma li din il-belt għandha... il-belt li n-Nazisti ta’ Hitler semmewha Auschwitz u li fil-periferiji tagħha inċineraw mijiet ta’ eluf ta’ Lhud... kull wieħed bl-istorja tiegħu. Fit-toroq ta’ Nairobi speċjalment fil-mandraġġi rajt id-dieqa f’qalb persuni li jixtiequ jwittu t-triq f’ħajjithom... nies li ma jistgħux jippjanaw it-triq fit-tul... nies li ma jistgħux iħallsu mediċina, skola u trasport... nies li madankollu jifirhu bl-iċken oġġett u ġest ta’ karità b’turija ta’ ħbiberija. Fit-toroq ta’ Amsterdam, ixxomm riħa taqsam tal-ħaxixa tinħaraq waqt li individwu bi storja għandu bżonn jirrilassa u ma jafx mod ieħor għajr li jiġbed dak in-nifs, u individwu ieħor qed jagħmel hekk biss biex ikompli ma’ sħabu f’avventura f’din il-belt tad-drogi u ż-żina... u ħafna affarijiet sbieħ li ftit nisimgħu dwarhom. Nibqgħu f’Amsterdam u tara tfajliet li xi wħud minnhom ma tpinġihomx, moħlija ġo vetrina biex ikomplu jmexxu l-eqdem negozju u fejn bil-prezz standard ta’ €50 jħallu l-imaġinazzjoni ta’ rġiel li jfittxuhom jew sempliċiment jaqaw għat-tentazzjoni, issir realtà. Tfajliet, ilkoll bi storja, jew qed jippruvaw jibnu din l-istorja. Sadanittant... lil dawn ta’ l-aħħar nawguralhom li jinfetħulhom opportunitajiet ġodda iktar milli jinfetħulhom saqajhom.

Jien u għaddej mit-toroq tal-ħajja iltqajt ma’ nies li inspirawni, oħrajn li għallmuni, oħrajn li ggwidawni, nies fqar u oħrajn inqas, nies ġenwini u oħrajn korrotti jew artifiċjali, nies li ħabbewni u oħrajn li ftit jaħmluni, nies li ltqajt magħhom personalment u oħrajn li qrajt xogħlhom fuq ktieb jew rajtu fuq palk jew skrin, nies li tawni x’nifhem kemm hi sabiħa l-ħajja għal min jaf jgħixha, kemm ma hemm xejn isbaħ mill-verità, mill-onestà u mill-ġenwinità... nies li għallmuni nkun ċar ma’ kulħadd anke jekk kultant ikolli nuża daqsxejn ta’ diplomazija.


Inħossni bniedem ixxurtjajt... li twilidt f’familja li tgħader u qatt ma ċaħditni milli nesplora t-toroq tal-ħajja waqt li dejjem iggwidatni bil-kelma t-tajba... li f’din it-triq iltqajt ma’ persuni li kienu u għadhom ħbieb għeżież għalija... li kont f’relazzjonijiet ta’ mħabba li lkoll għallmuni x’jiġifieri rispett anke f’mumenti intimi... relazzjonijiet li jekk ma fadal xejn minnhom għallinqas baqa’ l-ħbiberija ta’ vera, anke jekk xi kultant ġiet bl-iskossi. Inħossni xxurtjat li l-Mulej laqqgħani wkoll ma’ karattri diffiċli li faċli wieħed jiġġudika però li fl-aħħar kont kapaċi naħdem magħhom xorta. Inħossni xxurtjat ukoll li ltqajt u għadni niltaqa’ ma’ persuni li inqas kapaċi naħdem magħhom... li tawni u jtuni sfida biex inkun nista’ nkompli għaddej fil-vjaġġ tiegħi... nies li ġieli weġġgħuni biex jidhru sbieħ u kapaċi huma iżda kienu nies li għallmuni nżomm sieket u ma naġixxix f’rabja. Dejjem irnexxieli? Le. Jiddispjaċini? Lanqas. Tgħallimt xorta? Iva.

Qalb it-toroq tal-ħajja tgħallimt dejjem. Kultant inħares lejn il-mera u nħares fija nnifsi, inreġġa’ l-memorja u nagħti ħarsa lejn it-toroq li għaddejt minnhom sa issa. Inħares lura u għajr għal affarijiet li ma għandix kontroll fuqhom...niddubita nsibx xi ħaġa li li kieku nasal biex nibdel. Inħares lura u nitbissem. Inħares ‘il quddiem u ma nibżax anke jekk il-ġejjieni mhux dejjem joffri daqsekk ċertezzi. It-triq hija twila u fadalli ħafna x’nitgħallem. Għalhekk ħabib, tlaqtek hawn għalissa... ħa mmur ħa nkompli nitgħallem.

No comments: