Sunday, February 8, 2009

L-Ewro Vixin…

Kemm isir għaġeb eh fuq dad-dinja Ewro Vixin? Biex intgħażlet id-diska kellna palk mill-isbaħ li kważi jnessik mid-diski li tkun qed tisma’... imbagħad il-kwalità tad-diski... mhux li jixirqilhom wisq attenzjoni ha ngħiduha kif inhi.

Rebħet Chiara u issa ibqgħu ċerti li ħa nitqallgħu nisimgħuha u narawha tkanta... fuq kull stazzjon tat-televixin... biex tgħaxxaq anke dawn dejjem jiżdiedu hawn... fuq kull stazzjon tar-radju... mobajls idoqqu għall-ħoss tad-diska What if We... u hemm taraha tkanta ‘l hawn u ‘l hinn sew jekk xi attività fqira ta’ xi raħal ma’ erba’ anzjani bejn ‘line’ u ‘house’... sew jekk avvenimenti fuq skala akbar... kull fejn tmur għid li ħa ssib lil Chiara u l-What if We... naturalment dejjem tindaqq playback biex ma nistrapazzawlhiex il-vuċi.

Ijwa l-aħwa... rebħet Chiara għat-tielet darba. Iżda did-darba ghandha ftit għadma aktar iebsa... trid tgħaddi mill-kwarti tal-finali... imbaghad semi-finali... biex tasal fil-finali tistħajjilha xi Torres jew Rooney fil-mixja lejn ic-Champions League... f’dak il-bard ta’ stat polizjesk bħalma hi Moska.

Imma żomm... possibbli ma għandniex kantanti sura ta’ nies li jkollna għalfejn nibagħtu l-istess waħda tliet darbiet fi ħdax-il sena?! Ehe f’dal festival... il-kwalità kienet xi ftit jew wisq bażwija... jew nejja jew maħruqa nsomma s-soltu... wieħed jimmutettja bil-vjolin u jkanta l-istess vers b’vuċi li qas hi tajba għax-xawer... mill-inqas tliet diski kienu fuq stil ta’opra... ħsibtni qed nara l-Fantażma tal-Opra... wieħed jipprova jħossu li hu xi Billy Joe ta’ Greenday verżjoni bjonda... ħafna diski ta’ mħabba miktuba minn ma nafx min u jkantahom xi ħadd li ma għandux idea għal min qed ikantaha.

Kumbinazzjoni rajt il-kantanta tat-Turkija mistiedna speċjali fuq programm tal-PBS... apparti li mhix tifla li tħares lejha darba biss... id-diska tagħha mill-ewwel tolqtok u ttik li tibqa’ tismagħha... li tirbaħ jew le... żgur tindaqq f’kull klabb madwar l-Ewropa. Imma nistaqsi... aħna x’għandna inqas?

Naħseb li naħlu wisq flus fuq dak li mingħalina investiment għall-mużika lokali meta għandna tant gruppi u kantanti ta’ kwalità li jistgħu jiġu mgħejuna biex jagħmlu suċċess barra... fuq kollox f’attivitajiet li ma jinvolvux voti skond il-pajjiżi... fejn tajba kemm hi tajba diska... tgħaddi ghax l-Ukranja tivvota lir-Russja... l-Iżvezja lin-Norveġja... l-Awstrija lill-Ġermanja... is-Slovenja lill-Kroazja... u tibqa’ sejjer hekk.

Imma la ormai ġa ħlejna l-flus... inutli nibku xi tlifna... allura ejja nawguraw lil Chiara kull suċċess u j’Alla tibni fuq is-snin l-oħra u did-darba toħroġ rebbieħa.


Aqsam ma' sħabek fuq Facebook

3 comments:

maqqju said...

ghogobtni ry! :)...coe l-blog...lol

Paul Des said...

aw behstid! prosit tal-blok

Anonymous said...

inkompli ma li qieghed tghid int ryan imma nenfasizza li did-darba ghal darb'ohra, Chiara kienet l-unika kantanta li kien haqqa tirbah...u ghandna kemm ghandna talent lokali gdid xorta jibqa l-fatt li ghall-eurovision lil xi hadd kapaci rridu nibghatu u mhux lil xi hadd jibza mill-mic. Insomma j'Alla Chiara did-darba terga taghmel success ghalina u ghal pajjizna.